Il-maskra tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne waqgħet. Li rrepeta l-istess kliem ta’ mibgħeda, la kien żball u lanqas ċajta imma sar b’intenzjoni.
L-editorjal ta’ The Malta Independent jgħid dan b’referenza għad-diskors ta’ firda u mibgħeda li uża l-Ministru Chris Fearne waqt attivitajiet tiegħu bħala parti mill-kampanja għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista.
L-editorjal ifakkar kif il-ġlieda għat-tmexxija tal-Partit Laburista qed issir fid-dell tqil li Muscat ħalla l-Partit fih wara li ħoloq l-akbar kriżi politika li għadu għaddej minnu l-pajjiż.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat tas-sena li għaddiet rajna l-Gvern Laburista mheżżeż diversi drabi b’akkużi serji ħafna ta’ korruzzjoni u oħrajn b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’pajjiż ieħor dak li ġara f’pajjiżna fl-aħħar sitt ġimgħat kien ibiddel ix-xenarju politiku kollu iżda f’Malta le.
Fid-dawl ta’ dan, l-editorjal ta’ The Malta Independent jgħid li Fearne kien meqjus bħala wieħed mill-kontestanti li għandu l-aktar esperjenza u l-inqas wieħed li jista’ jiżbalja matul il-kampanja tiegħu. Madankollu jinnota li dak li seħħ fl-aħħar jiem wassal biex il-maskra ta’ Fearne issa waqghet. Chris Fearne saħansitra nsista li ma jirtirax il-kliem li qal.
L-editorjal ta’ The Malta Independent ikompli jgħid li issa li waqgħet il-maskra ta’ Fearne skoprejna persuna li mhux se jkun differenti ħafna minn Joseph Muscat.
L-agħar f’dan kollu hu li fl-istess attivita’ li Chris Fearne uża kliem ta’ firda u mibgħeda, fl-istess waqt appella għall-għaqda nazzjonali. Hu għalhekk li l-editorjal jistaqsi kif wieħed jista’ jemmen lill-Ministru Chris Fearne meta fl-istess nifs ma kkunsidrax kważi nofs il-popolazzjoni?
//= $special ?>