Lokali

“Żmien diffiċli għall-kumpanija tal-gaming”

Bħalissa hu żmien turbolenti għall-kumpaniji tal-gaming f’pajjiżna, mhux biss minħabba l-kriżi politika li għaddejjin minnha bħala pajjiż imma wkoll għax żdied sew il-bżonn li jilqgħu għat-theddida mill-ħasil tal-flus.

Iddikjara dan Justin Psaila, iċ-Chief Financial Officer ta’ GIG, Gaming Innovation Group, waħda mill-kumpaniji tal-gaming f’pajjiżna.

F’intervista mat-Times of Malta, hu għamel riferenza għal l-kriżi politika fil-pajjiż, li qal li qed toħloq instabbilta’ għall-industrija tal-gaming.

Wissa’ li jekk din is-sitwazzjoni tippersisti hemm riskji kbar fosthom li ma jkunux attirati impjegati barranin b’kapaċitajiet għolja u speċifiċi għal dan is-settur tant importanti fl-ekonomija Maltija.

Hawn hu qal li fil-verita’ ħadd ma jkun irid imur jaħdem f’pajjiż fejn hemm instabilita’ politika.

Fl-isfond li fl-aħħar xhur diversi kumpaniji tal-gaming naqqsu l-impjegati tagħhom, Psaila nnota li l-kumpaniji li jaħdmu fis-settur qed jintroduċu u wħud minnhom diġa’ addottaw regoli kontra l-ħasil ta’ flus. Miżuri li huma simili ħafna bħal dawk addottati mill-banek.

Hu jgħid li dawn il-kumpaniji qed isiru qishom banek u jridu jagħmlu due diligence fuq il-klijenti tagħhom biex jilqgħu għall-ħasil ta’ flus.

Fl-intervista jingħad li ż-żmien diffiċli qed jinħass mill-kumpaniji kollha tal-gaming u fatt li jista’ jikontribwixxi għal dan hu li l-Iżvezja żiedet il-kontrolli tagħha fuq il-kumpaniji tal-gaming.

Dan fost l-oħrajn billi l-kumpaniji ma jistgħux jibqgħu jaħdmu biss bil-liċenzja internazzjonali li toħroġ il-Malta Gaming Authority.

Fl-intervista hu jispjega kif il-finanzi tal-kumpanija li jmexxi, matul is-sena l-oħra, naqsu b’€7.1 mijun anke kawża ta’ dawn il-miżuri. Mistoqsi dwar dak li kien qed jingħad dwar il-kumpanija u jekk hux veru li mistennija tnaqqas l-ammont ta’ ħaddiema f’pajjiżna, ic-Chief Financial Officer indika li se jittieħdu deċiżjonijiet importanti bħala parti mill-istrateġija tal-kumpanija.