Lokali

Fearne u Abela ma jarawx għajn m’għajn

Botta u risposta bejn iż-żewġ kandidati Laburisti, li bħalissa jinsabu għaddejjin bit-tellieqa tagħhom biex jieħdu post Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Waqt il-programm Xarabank id-deputat Robert Abela, qal li ma jridx jagħmel kampanja ta’ firda….f’botta diretta għall-istqarrijiet diviżivi ta’ Fearne fl-aħħar ġranet.

Robert Abela qal li ma jridx jagħmel kampanja ta’ mibgħeda. Botta diretta għall-mod kif Fearne tkellem tul il-kampanja qasira, fejn kemm-il darba rrepeta l-kliem diviżiv li kemm idum ħaj ma jridx jara lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Gambetta oħra li ta l-konsulent tal-Prim Ministru lid-deputat Mexxej kienet meta qal li biex tkun kapaċi tmexxi lill-pajjiż fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, irid bilfors ikollok esperjenza legali.C

Mistoqsi dwar is-surveys li saru, Fearne qal li l-figuri tiegħu ma jaqblux ma dawk li ħarġu fil-media, filwaqt li Robert Abela jgħid li hu kuntent bis-surveys tiegħu.

Differenza li dehret bejn iż-żewġ kandidati kienet li Chris Fearne qal li l-ewwel ma jagħmel hu li jgħaqqad flimkien il-Gvern, l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili biex isir it-tibdil meħtieġ sabiex tiġi ssalvagwardjata s-Saltna tad-Dritt. Minn naħa l-oħra, Abela qal li l-ħatra tal-Kummissarju jagħmilha l-Gvern u mhux biż-żewġ terżi tal-Kamra.

Imma forsi l-aktar mistoqsija li qanqlet interess fuq il-media soċjali minn dan il-programm kienet dik dwar il-famuża ħobza tal-Malti… Chris Fearne qal li tiswa 25ċ filwaqt li Robert Abela qal li ma jafx kemm hi għax it-tifla ma tħobbhiex.  Ħobza tal-Malti kbira tiswa madwar ewro.