Internazzjonali

Funeral u protesti f’Baghdad

Eluf ta’ persuni ħonqu t-toroq tal-Belt kapitali tal-Iraq Baghdad għall-funeral ta’ Qasem Suleiman, il-kmandant militari Iranjan li nqatel permezz ta’ missila sparata minn drone Amerikana ftit ‘il barra mill-ajruport interazzjonali ta’ Baghdad.

Il-miġemgħa bdiet tinġabar sa mis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu jxejru bnadar tal-Iraq u tal-milizzji appoġġjati mill-Iran u jgħajjtu “Mewt għall-Amerika”. Matul il-purċissjoni ntlemħu wkoll ritratti tar-raġel maqtul u tal-Mexxej Suprem tal-Iran l-Ayatollah Ali Khamenei.

Minbarra Suleimani, fl-attakk inqatel ukoll Abu Mahdi al-Muhandis, Iraqqin li kien imexxi l-milizzja Kataib Hezbollah fil-Iraq u li kellha l-appoġġ tal-Iran u uffiċjali tas-sigurta’ tagħhom. Skont rapporti, il-katavri tal-Iranjani mistenni jintbagħtu lura għad-difna.

Iżda mhux kulħadd kien dispjaċut bil-mewt ta’ Suleimani. Fil-fatt, kien hemm rapporti ta’ ċelebrazzjonijiet minn Iraqqini li huma kontra l-Musulmani Shiiti u involuti fil-ġlied kontra l-milizzji appoġġjati mill-Iran. Qasem Soleimani kien rapportat li jmexxi l-operazzjonijiet paramilitari fil-pajjiżi ġirien tal-Iran.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President Amerikan Donald Trump qal li l-azzjoni Amerikana kienet biex twaqqaf gwerra u mhux tibdieha. Hu tenna li Soleimani kien qed iħejji biex jattakka diplomatiċi u ċittadini Amerikani u l-ħidma tiegħu li timmina l-istabbilita’ tal-pajjiżi ġirien issa ġiet fi tmiemha. Sadanittant, il-Pentagon ikkonferma li se jintbagħtu 3,000 truppi Amerikani oħra fir-reġjun.

Sadanittant, l-Iran iddikjara tliet ijiem ta’ luttu nazzjonali u wiegħed vendetta ħarxa fil-konfront tal-Istati Uniti.