Lokali

Iċ-ċkejken Nicholas jingħata l-aħħar tislima

Dalgħodu fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi ngħatat l-aħħar tislima lil Nicholas Zammit, li fl-età ta’ seba’ snin tilef ħajtu traġikament l-għada tal-Milied f’inċident f’barriera fis-Siġġiewi.

Kienu għexieren li ħonqu din il-knisja biex isellmu liċ-ċkejken Nicholas għall-aħħar darba. Fost dawk preżenti kien hemm numru ta’ studenti li jattendu l-Kulleġġ ta’ San Benedittu, l-istess skola fejn kien imur Nicholas.

Fl-omelija tiegħu Fr Mario Said fakkar kif seba’ xhur ilu, Nicholas kien fl-istess Knisja flimkien ma’ sħabu tal-iskola, fejn iċċelebra l-ewwel tqarbina tiegħu. Huwa saħaq li Nicholas kien tifel intelliġenti u li kien iferraħ lil dawk ta’ madwaru.

Fit-tmiem tal-quddies iċ-ċkejken Nicholas inħareġ mill-Knisja fost ċapċip ta’ dawk li nġabru biex jagħtuh l-aħħar tislima.