Festi Għawdex Knisja Kultura Lokali

Il-Maġi jaslu f’Betleħem f’Għajnsielem

Il-vjaġġ tal-maġi jilħaq il-qofol il-Ħadd f'Betleħem f'Għajnsielem

Is-Sibt filgħaxija ntlaħaq il-qofol tal-vjaġġ tal-Maġi li waslu Betleħem f’Għajnsielem Għawdex.

Iktar kmieni, il-Ħamruniżi s-Sibt waranofsinhar laqgħu lit-Tliet Slaten Maġi ta’ Betleħem f’Għajnsielem fil-Knisja ta’ Santa Marija tas-Samra biex ippreżentaw deheb, inċens u mirra lill-ewwel bambin li uża San Ġorġ Preca fl-1921 għad-Dimostrazzjoni tal-Bambin fil-lejl tal-Milied.

Ritratt: Martin Agius

Hekk kif dehru fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, il-Maġi ntlaqgħu għad-daqq tal-għanjiet tal-Milied mit-tlett baned Ħamruniżi flimkien, dawk ta’ San Ġużepp, l-Immakulata Kunċizzjoni u San Gejtanu.

Il-preparamenti mill-Kumitat Organizattiv, immexxija mill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem flimkien mal-għaqdiet tar-raħal, ilhom għaddejjin minn Settembru b’alterazzjonijiet u bini t’affarijiet ġodda fis-sit f’Ta’ Passi.

Ritratt: Martin Agius

Il-Viċi-Sindku tar-raħal Għawdxi t’Għajnsielem, Franco Ciangura, tana aktar tagħrif dwar il-11-il edizzjoni ta’ Betleħem f’Għajnsielem:

Din is-sena ftaħna fit-13 ta’ Diċembru u ħa nibqgħu għaddejjin sa għada. Il-gran final ikun dan il-vjaġġ tal-maġi famuż u simboliku fejn induru minn raħal għal ieħor biex inwasslu l-messaġġ ta’ paċi bħalma għamlu l-maġi.”

Il-Viċi Sindku t’Għajnsielem, Franco Ciangura. Ritratt: Martin Agius

Ciangura, meqjus bħala l-moħħ wara din l-attività ewlenija tal-gżira Għawdxija li għaliha jaqsmu l-Maltin fil-Milied, qalilna kif eluf ta’ nies żaru lis-sit bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Elenka kif il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem ikkollabora ma’ bosta kunsilli lokali oħra Maltin biex il-Maġi setgħu jduru bosta rħula Maltin:

Dalgħodu tlaqna mill-Birgu, qsamna bid-dgħajsa għall-Belt Valletta u imbagħad imxejna sal-Ħamrun fejn qed issir din l-attività biex imbagħad inkomplu għal Raħal il-Ġdid fejn għandna attività oħra. Għada nibdew se nibdew il-vjaġġ tagħna l-Imdina fejn nidħlu l-Katidral u nżuru l-Imdina. Il-vjaġġ tagħna jkompli lejn il-Mellieħa biex fil-11am inżuru lid-Dar tal-Anzjani. Aħna nagħmlu enfasi biex inżuru l-isptarijiet jew lid-djar tal-anzjani, bħalma għadna ġejjin minn dar tal-anzjani oħra fil-Ħamrun, biex inferħu lil dawk in-nies li huma anqas ixxurtjati minna.”

Ritratt: Martin Agius

Il-vjaġġ tagħhom jilħaq il-qofol tiegħu kmieni l-Ħadd wara nofsinhar, meta l-Maġi abbord il-vapur t’ Għawdex jaqsmu lejn l-Imġarr, biex wara t-15:00 ssir id-daħla trijonfali f’Għajnsielem.

Ritratt: Martin Agius