Lokali Saħħa Xjenza u Teknoloġija

Il-proġett ‘MaltaHip’ jirbaħ 3 premijiet lokali u dinjija

Hip Joint Replacement li ġie żviluppat u magħmul Malta

L-iżvilupp tal-ewwel ġog artifiċjali tal-ġenbejn magħmul f’Malta, magħrufa aħjar bħala hip joint replacement, f’dawn l-aħħar ġimgħat ġie rikonoxxut lokalment u anki internazzjonalment.

Dan hekk kif dan il-proġett, li huwa t-tema prinċipali tat-teżi tad-dottorat tal-Inġinier Donald Dalli, rebaħ 3 premijiet lokali u internazzjonali. L-imħuħ wara l-proġett “MaltaHip” flimkien mal-Inġinier Dalli huma l-Professur Pierre Schembri Wismayer tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, il-Professur Inġinier Joseph Buhagiar u l-Professur Inġinier Pierluigi Mollicone tal-Fakultà tal-Inġinerija tal-Universitá ta’ Malta.

NET News tkellem mal-Inġinier Dalli dwar minn fejn nibet il-ħsieb wara dan il-hip joint replacement b’disinn innovattiv:

Il-Professur Pierre Schembri Wismayer innota li r-rata tal-artrite fl-għaksa hija ħafna anqas minn dik li sseħħ fil-hip joint. Allura applikajna l-ġeometrija tal-għaksa biex għamilna d-disinn tal-hip joint. Bażikament, għandna ċilindru 3 ċilindri li huma perpendikulari ta’ xulxin u dawn jistgħu jilħqu l-istess movimenti ta’ ball & socket.”

Waħda mill-benefiċċji tad-disinn, li jitpoġġa flok ġog marid jew mikul, huwa li l-moviment qed isir f’direzzjoni waħda, bil-materjal użat huwa aktar reżistenti għal meta jittiekel biex b’hekk il-hip joint replacement isservi ħafna aktar minn dawk fis-suq.

Dan id-disinn ittestjanih ġo magni li bnejna ġol-Università, li tistimola daqs persuna li qed timxi.”

Iżda ftit qabel ntbagħat għat-testijiet, propju f’Ġunju tal-2019, ġie rreġistrat privattiv (patent) għall-fini tal-protezjoni tal-invenzjoni. Il-Professur Inġinier Joseph Buhagiar, li qed jissorvelja l-andament tat-teżi tal-Inġinier Dalli b’esperjenza relatat mal-materjali, elabora aktar dwar it-testijiet li qed isiru fuq l-implant fil-Ġermanja:

L-implants jiġu ttestjati fuq 5 miljun ċiklu u issa wasalna fit-3 miljun ċiklu. Ir-riżultati li din il-kumpanija qed tibagħtilna kultant żmien juru li din l-implant vera żżid il-kapaċità li sservi fit-tul.”

Minkejja dan, it-testijiet għadhom għaddejjin u mhux se tidħol fis-suq għalissa:

Din mhux implant li tista’ tidħol fil-pazjenti għada. Iġifieri, in-nies ma jistgħux isaqsuna jekk jużawx din l-implant ġo fina għada. Le, ma taħdimx hekk. Il-pass li jmiss huwa li nsibu kumpanija kbira li timmanifattura l-implants b’mod globali u nbiegħhula l-idea. Jekk tiddeċiedi li tmexxi bl-implant, din se tkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti kollha madwar id-dinja.”

Fost il-premijiet li rebaħ dan il-proġett insibu l-Premju tal-Eċċellenza Industrijali waqt il-Malta Engineering Excellence Awards tal-Kamra tal-Inġiniera f’Novembru li għadda, il-Midalja għall-Inventuri tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Propjetà Intellettwali (WIPO) u l-Premju Propjetà Intelletwali Malta 2019 taħt il-kategorija Inizjattiva Xjentifika.