Lokali

It-titjira ta’ Muscat iddawwar ir-rotta

Wara Ruma, Betlehem u Dubai, il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat fit-tieni jum tas-sena l-ġdida erħielha lejn Londra mal-familja tiegħu.

Rapporti fil-media l-ġimgħa rrappurtaw li Joseph Muscat kellu laqgħa ma avutkat prominenti Ingliż f’lukanda ewlenija. L-avukat Alġerin, Saad Djebbar, li ilu jgħix Londra għal aktar minn 20 sena, huwa avukat rinomat madwar id-dinja u fost il-klijenti tiegħu wieħed kien isib lill-eks dittatur Libjan Mu’ammar Għaddafi u r-reġim tiegħu.

Mhux magħrufha ir-raġuni għal-laqgħa ta’ Muscat ma’ dan l-avukat.

Li hu magħruf hu li jakkumpannjaw lill-familja Muscat fuq din iż-żjara hemm Diane u Karl Izzo.  Diane Izzo hija imprenditriċi u ħabiba intima ferm ta’ Michelle Muscat, u Karl Izzo, li huwa kowċ tal-waterpolo, inħatar ambaxxatur mhux residenti għall-Montenegro minn Joseph Muscat sena ilu. Rapporti fil-media lokali rrappurtaw li ż-żewġ familji jinsabu fl-istess lukanda għal din il-btala.

Intant kontroversja oħra inqalgħet meta sar magħruf li l-kontrolluri tal-ajru Żvizzeri caħdu permess lit-titijira tal-Air Malta KM100 għal Heathrow f’Londra, li fuqha kien jinsab Muscat, sabiex tidħol fl-ispazju tal-ajru Żvizzeru. Riżultat ta’ dan, it-titjira kellha ddawwar ir-rotta u ddur mal-Iżvizzera mingħajr ma tidħol fl-ispazju tal-ajru tagħha.

It-titjira ta’ Muscat kellha ddawwar ir-rotta biex ma tidħolx f-ispazju tal-ajru Żvizzeru

Dan ukoll sar magħruf minn rapporti fil-media lokali, u sigħat wara li ħarġet din l-aħbar, l-Air Malta ħarġet stqarrija fejn qalet li r-raġuni għall-ittardjar tat-titjira kien minħabba żball ta’ proċedura.

It-titjira tal-Air Malta KM100 minn Malta għall-ajruport ta’ Heathrow hija waħda li ssir KULJUM u għaldaqstant il-proċeduri li jintużaw għal din it-titjira għandhom ikunu proċeduri ta’ rutina, iżda għal xi raġuni din id-darba, sar żball li rriżulta fl-awtoritajiet Żvizzeri jirriffjutaw passaġġ lit-titjira tal-Air Malta fl-ispazju tagħha.

Hija proċedura li meta xi kap ta’ stat jew rappreżentanti għolja tal-pajjiż ikunu jinsabu fuq titjira, l-operaturi ta’ dik it-titjira, f’dan il-każ l-Air Malta, jagħmlu nota fuq il-pjan tat-titjira sabiex jinfurmaw lill-kontrolluri tal-ajru ta’ pajjiżi oħra b’dan.