Għaldarboħra, persuni li joqgħodu f’partijiet minn Marsascala u tas-Sliema fost l-oħrajn, il-ġimgħa filgħaxija reġgħu kellhom joħorġu x-xemgħat hekk kif reġgħu spiċċaw bla dawl.
Wara li tul il-ġimgħa tal-festi, pajjiżna spiċċa bla dawl għal sigħat twal, b’negożji jbatu l-konsegwanzi tan-nuqqasijiet fis-settur tal-enerġija, l-Enemalta ħarġet stqarrija fejn qalgħet li minkejja li qed tagħmel dak kollu li tista’ biex ma jkunx hawn aktar qtugħ totali fis-servizz, mhux eskluz li jibqa’ jkun hawn qtugħ f’diversi zoni.
Il-qtugħ huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ infrastruttura f’dik li hi enerġija li kienet tassigura li pajjiżna jkollu serviżz stabbli.
Persuni tekniċi li tkellmu ma’ Net News qalulna li kienu diversi r-raġunijiet għaliex Malta spiċċat f’din is-sitwazzjoni.
L-ewwel li Gvern Laburista ġdid fl-2013 rema’ mal-ewwel il-pjanijiet li kellu Gvern Nazzjonalista biex jinbena t-tieni interconnector. L-istess esperti qalu li kollox kien pjanat u li kieku l-Gvern baqa’ għaddej b’dan il-pjan, il-proċess kien ikun ferm eħfef u irħas mill-ewwel wieħed peress li ħafna xogħol kien diġa sar għall-ewwel interconnector. U hekk kif Gvern Laburista għamel l-ogħla hedging agreement fil-gass fl-istorja tal-Ewropa.
It-tieni kienet il-mod kif Gvern Laburista ġdid, biex jagħmel gwadann politiku, zarma l-faċilitajijiet tal-powerstation l-antika b’ħafna pompa… qabel ma l-ewwel assiguraw irwieħhom li pajjiżna kellu provvista stabbli tal-enerġija.
L-istess esperti spjegaw li l-powerstation tal-Electrogas ma kienitx qed tintuza b’mod regolari qabel ma żviluppaw il-ħsarat fl-interconnector, tant li meta żviluppaw il-ħsarat, u l-inġiniera ppruvaw jużaw il-powerstation il-ġdida, din waqfet minħabba ħsarat f’tank li x’aktarx kienu ilhom hemm.
Li mhux ċar huwa għaliex intrema l-pjan li pajjiżna jkollu t-tieni interconnector….sistema li tiggarantixxi enerġija ferm u ferm aktar nadifa minn dik iġġenerata mill-powersation tal-electrogas, u sistema li tiswina ferm anqas, hekk kif unit iġġenerat mill-interconnector jiswa 3 ċenteżmi, filwaqt li unit iġġenerat mill-powerstation jiswa 6 darbiet aktar… jew 18-il ċenteżmu.
Issa, l-Enemalta qed tgħid li qed tikkunsidra t-tieni interconnector… propju kif kellu ppjanat il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u kif qed terġa’ titlob issa l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexija minn Adrian Delia.
//= $special ?>