Futbol Sport

Manchester United b’mira li jpattu għall-eliminazzjoni tal-istaġun li għadda mill-FA Cup kontra Wolves

(Ritratt: Getty Images)

Wolves ifittxu li għat-tieni staġun konsekuttiv jeliminaw lil Manchester United f’wieħed mill-aktar konfronti interessanti mit-tielet rawnd tal-FA Cup.  Fl-istaġun li għadda, Wolves kienu eliminaw lir-Red Devils 2-1 fil-kwarti tal-finali.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfiet fil-kampjonat Ingliż kontra Liverpool u Arsenal rispettivament. Il-kowċ taż-żewġ timijiet mistennija jagħmlu xi tibdil fil-formazzjonijiet inizjali. Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun, b’Wolves jinsabu mhux megħluba minn Manchester United fl-aħħar erba’ konfronti.

Konfront ieħor mistenni hu d-derby ta’ Merseyside bejn Liverpool u Everton. Liverpool jibdew favoriti li jgħaddu minn dan ir-rawnd hekk kif qed jiddominaw il-Premier League. Huma ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 kontra Sheffield United, liema rebħa kompliet ittawwal is-serje mingħajr telfa fil-kampjonat għal 37 logħba. Iktar kmieni dan l-istaġun Liverpool għelbu lil Everton bl-iskor ta’ 5-2.

Everton tilfu 2-1 kontra Manchester City fl-aħħar logħba iżda ġejjin minn perjodu pożittiv. Il-partitarji tat-Toffees se jkunu qed jittamaw li l-esperjenza tal-manager Carlo Ancelotti f’dawn il-logħbiet, tkun determinanti biex jiksbu rebħa tant mixtieqa fuq ir-rivali. Ancelotti hu wieħed mill-ftit kowċis li waqqaf lil Liverpool f’dan l-istaġun, hekk kif fit-tmexxija ta’ Napoli kiseb rebħa u draw kontra t-tim ta’ Jurgen Klopp.

Fost it-timijiet mill-Premier League fl-azzjoni Manchester City jilqgħu lit-tim ta’ League 2 Port Vale, bir-rebbieħa tal-istaġun li għadda mistennija jikkwalifikaw faċilment għar-rawnd li jmiss. Minkejja li jinsabu erbatax-il punt taħt Liverpool, Manchester City se jiffukaw lejn il-kompetizzjonijiet l-oħra, bit-tim ta’ Pep Guardiola jinsab mal-aħħar sittax tal-UEFA Champions League kif ukoll fis-semifinali tal-League Cup.

Għada Chelsea jilagħbu kontra Nottingham Forest. It-tim ta’ Frank Lampard għaddej minn perjodu ta’ tranżizzjoni, b’dan il-perjodu jkun rifless fir-riżultati mhux daqs tant konsistenti. Nottingham Forest jinsabu fit-taqtigħa tal-play-offs fiċ-Championship hekk kif qed jokkupaw ir-raba’ post.

Il-logħba bejn Middlesbrough u Tottenham se tkun opportunita għal Josè Mourinho biex jara sew jekk il-plejers li għandu bħalissa humiex għaddatati għas-sistema tiegħu, dan anke fid-dawl tal-injury li Harry Kane sofra fit-telfa kontra Southampton. Middlesbrough jinsabu fl-aħħar nofs tal-klassifika taċ-Championship u b’hekk mistenni jkun konfront diffiċli għat-tim ta’ Jonathan Woodgate.

L-aħħar logħba mit-tielet rawnd tal-FA Cup tintlagħab nhar it-Tnejn fl-Emirates Stadium bejn Arsenal u Leeds United. Arsenal għadhom ġejjin minn rebħa kontra Manchester United wara numru ta’ riżultati negattivi. Leeds jinsabu fl-ewwel post fil-klassifika taċ-Championship, bl-istess ammont ta’ punti daqs West Bromwich Albion.

Il-logħbiet se jibdew minuta tard bħala parti minn inizjattiva tal-FA Ingliża biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali fost il-partitarji.

FA Cup

It-Tielet Rawnd

Illum: Birmingham  v  Blackburn 1.31pm, Bristol v Shrewsbury 1.31pmm Burnley v Peterborough 1.31pm, Millwall v Newport 1.31pm, Rochdale v Newcastle 1.31pm, Rotherham v Hull 1.31pm, Brentford v Stoke 4.01pm, Brighton v S. Wednesday 4.01pm, Cardiff  v Carlisle 4.01pm, Fulham v A.Villa 4.01pm, Oxford v Hartlepool 4.01pm, Preston v Norwich 4.01pm, Reading v Blackpool 4.01pm, Southampton v Huddersfield 4.01pm, Watford v Tranmere 4.01pm, Bournemouth v Luton 6.31pm, Fleetwood v Portsmouth 6.31pm, Leicester v Wigan 6.31pm, Man City v Port Vale 6.31pm, Wolves v Man Utd 6.31pm

Għada: Bristol v Coventry 3.01pm, Burton v Northampton 3.01pm, Charlton v West Brom 3.01pm, Chelsea v Nott. Forest 3.01pm, Crewe v Barnsley 3.01pm, C. Palace v Derby 3.01pm, M’brough v Tottenham  3.01pm, QPR v Swansea 3.01pm, Shef. United v Fylde 3.01pm, Liverpool v Everton 5.01pm, Gillingham v West Ham 7.16pm

It-Tnejn: Arsenal v Leeds 8.56pm

Tags