“Qatt ma kont noħlom li pajjiżna jispiċċa fi stat fejn l-uffiċċju tal-Prim Ministru jkun investigat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt intervista fuq Net FM fejn qal ukoll li pajjiżna jixraqlu ferm aħjar minn Prim Ministru li, filwaqt li pajjiżna jinsab għal kollox wieqaf u qed jaffaċċja l-akbar kriżi politika fl-aħħar 40 sena, aktar donnu moħħu biex idur minn pajjiż għal ieħor, u propju bħalissa jinsab Londra… u minn Deputat Prim Ministru li aktar moħħu biex jikkampanja biex jieħu post Muscat milli biex jara li pajjiżna b’xi mod jerġa jsib xi forma ta’ stabbilità.
Mistoqsi minn Angelo Micallef jekk Adrian Delia jaħsibx jekk Chris Fearne jew Robert Abela għandhomx il-kredenzjali biex imexxu l-pajjiż, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li ż-żewġ kandidati jeċċellaw fil-professjoni tagħhom ta’ kirurgu u avukat, jidher ċar li t-tnejn li huma se jibqgħu jimxu fil-passi li mexxiena fihom Muscat…hekk kif it-tnejn qed jgħidu li jridu kontinwità. Xi ħaga, qal Adrian Delia, li ma tawgura tajjeb xejn għall-pajjiż li sab ruħu jbati l-konsegwenzi ta’ tmexxija minn Prim Ministru li rebaħ l-unur tal-aktar bniedem korrott fid-dinja għall-2019.
Tant hu hekk, qal Adrian Delia, li Robert Abela saħansitra qal li se jkun qed iżomm l-istess kabinett ta’ Muscat.
Hu tkellem ukoll dwar ir-rigali li Muscat irċieva mingħand Yorgen Fenech, li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Adrian Delia qal li rigali tat-tip li rċieva Muscat mhumiex rigali għall-istat, imma għall-kuntrarju jidher li kienu rigali li ingħataw għax min tahom kien qed jippretendi xi ħaga lura.
Huwa saħaq li dak li sa ftit tas-snin ilu kien għal kollox inaċċettabbli, illum sar mhux biss aċċettat bħala tajjeb imma aktar minn hekk imbierek mill-Partit Laburista bħala sagrosant.
Semma wkoll il-powerstation hekk kif pajjizna fl-aħħar jiem reġa sofra minn qtugħ fil-provvista. Huwa ddeskriva l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista tal-2013, li kienet mibnija fuq il-wegħda ta’ powerstation ġdida, bħala kampanja ta’ frodi għal kuntratt fażull li kien moħmi biss bl-iskop li jisraq lill-poplu Maltiu Għawdxi kollu.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem b’ħiltu kollha sabiex fis-snin li ġejjin ikun hu li jagħti nifs ġdid lis-settur tal-enerġija f’pajjizna billi jara li jinvesti bis-sħiħ sabiex pajjiżna jilħaq u jaqbeż il-miri Ewropej għall-enerġija alternattiva.
Mistoqsi wkoll dwar ir-riformi fil-Partit, huwa qal li x-xogħol fuq dawn għaddej b’ritmu mgħaġġel u li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jkun Gvern alternattiv ghall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>