Bdejna sena ġdida… u mal-ewwel il-poplu sab ma’ wiċċu piż ieħor.
Dan hekk kif b’effett mill-ewwel tas-sena daħlu fis-seħħ tariffi ġodda għat-test tal-VRT. Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, il-prezz tal-VRT baqa’ l-istess, iżda issa dan se jogħla b’5 ewro, biex il-ħlas ta’ dan it-test ikun jammonta għal madwar 25 ewro. Dan filwat li t-test ta’ vetturi kummerċjali żdied b’10 ewro. Saħansitra fi żmien tliet snin oħra t-test tal-VRT se jiżdied b’5 ewro oħra għall-vetturi kollha.
Apparti dan, fi żmien sentejn muturi minn 125 ċilindrata ‘l fuq se jkollhom obbligu li jagħmlu dan it-test ukoll. Dan hekk kif il-muturi qatt ma kellhom obbligu li jagħmlu t-test tal-VRT.
B’effett mill-ewwel tas-sena wkoll, dan is-suq ġie liberalizzat u għalhekk mhux se jkun hemm limitu fuq in-numru ta’ operaturi li jistgħu jagħmlu dan it-test tal-VRT. Dan sakemm l-applikazzjoni tagħhom tkun konfromi mal-liġijiet.
Vetturi privata li jkunu ġodda jagħmlu l-ewwel test tal-VRT wara erba’ snin u wara dan jibqa’ jsir kull sentejn. Iżda meta jaqbżu l-160,000 kiometru, dan it-test jibda jsir kull sena. Min-naħa l-oħra vetturi kummerċjali ġodda jagħmlu dan it-test wara l-ewwel sentejn, fejn imbagħad jibda jsir kull sena.
Għalhekk mal-bidu tas-sena ġdida, il-familji Maltin mal-ewwel se jkollhom jibdew iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż ġodda. Dan hekk kif is-sena li għaddiet l-għoli tal-ħajja kompla jisplodi ‘l fuq hekk kif kien hemm żidiet fi podotti bażiċi bħall-prezz tal-ħalib, il-ħobż u l-bolol. Dan apparti d-daqqa enormi li ħalliet fuq il-ħaddiema ż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel.
//= $special ?>