Lokali

“Dak li mhux ser tkunu qed tagħmlu intom, fi żmien 48 siegħa ser nagħmlu jien” – Adrian Delia

“Dak li mhux ser tkunu qed tagħmlu intom, fi żmien 48 siegħa ser nagħmlu jien.”

Adrian Delia qal dan waqt laqgħa li saret il-Ħadd filgħodu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien. Huwa spejga kif l-awtoritajiet ilhom xhur jittratenu milli jinvestigaw lil Karl Cini. Minkejja li fir-Rapport Egrant il-maġistrat Aaron Bugeja irrakomanda li dan jiġi investigat, u minkejja li għal xhur sħaħ dan ir-rapport kien f’idejn il-kabinett kollu, ma ttieħdu l-ebda passi. Għalhekk, Delia ħabbar li ser isejjaħ investigazzjoni huwa stess fit-48 siegħa li ġejjin.

Delia kompla jgħid li s-sena l-oħra kienet l-agħar sena fl-istorja politika ta’ pajjiżna mill-Indipendenza l’hawn filwaqt li kienet sena li fiha l-uffiċċju tal-Prim Ministru spiċċa fiċ-ċentru tal-korruzzjoni u saħanistra anke investigat f’każ ta’ assassinju.

Il-Kap tal-PN qal li minkejja dak kollu li ġara jidher li l-kandidati li qed jippreżentaw ruħhom għat-tmexxija tal-Partit Laburista, ma fehmu xejn. Min dak li qed jgħidu fil-kampanja tal-leadership tal-Partit Laburista, flok jitkellmu dwar kif ser iżidu u jsaħħu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet, qed jitfgħu dubji serji fuq kif ser jitmexxew l-istituzzjonijiet. Flok jippriedkaw l-għaqda nazzjonali qed jizirgħu il-mibgħeda u l-firda. Dan ma jawgurax tajjeb għal pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-isfond ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista ser jkun il-Partit li joħroġ lill-pajjiżna mit-triq ħazina li jinsab fiha. Ser jagħmel dan fl-interess ta kull Malti u ta’ kull Għawdxi.