Lokali

B’Fearne u Abela m’hu ser jinbidel xejn – Muscat jibqa’ preżenti

Minn hawn u ġimgħa oħra – ikun min ikun il-Prim Ministru u Mexxej ġdid tal-Lejber – m’hu ser jinbidel assolutament xejn.

Jekk qatt ien hemm bżonn konferma, din issa waslet minn kliem il-mexxej attwali Joseph Muscat stess li f’kollegament fuq ir-radju tal-midja Laburista ammetta li jinsab moħħu mistrieħ bi Chris Fearne u Robert Abela.

Huwa ddeskriva dawn l-aħħar sitt snin u nofs bħala esperiment soċjali u ekonomiku – bħal donnu ‘l pajjiż kien laboratorju bil-poplu ġugarelli li wieħed jista’ jġebbed fih kemm irid.

Muscat insista li dan l-hekk msejjaħ esperiment ma kienx ‘one-man show’ iżda kellu tim sħiħ miegħu; fosthom l-aktar nies fil-qrib tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Konsulent tal-Prim Ministru fil-Kabinett Robert Abela. Qal li b’hekk dan l-esperiment se jkompli anke ladarba jitlaq hu.C

Ir-rebbieħ tal-unur tar-raġel tas-sena fil-korruzzjoni u kriminalità organizzata saħaq li jitla’ min jitla’ huwa ser ikun warajh sabiex imidd idejh fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna – preżenza li ċertament tagħmilha diffiċli sabiex il-pajjiż jitbeigħed minn dak li ħassru fl-aħħar snin.C

Muscat sostna li minħabba l-problemi li ħakmu lill-pajjiż tul dawn l-aħħar xahrejn, iċ-ċittadin għandu kull raġuni sabiex jabbanduna lill-partit.

Problemi li ġabhom il-Prim Ministru stess meta baqa’ jiddefendi lill-eks chief of staff Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi.C

Waqt li qal li għalih dan kien żmien diffiċli, naqas milli jfakkar li fl-istess waqt kien qed idur id-dinja; b’ħarba ta’ 55 siegħa f’Dubaj, li swietu xejn inqas minn €21,000, u vaganzi fl-Art Mqaddsa u Londra.Tlett safriet li dwarhom ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni – bhal fuq kollox ħafna mill-affarijiet ta’ dawn l-aħħar 6 snin fejn għandu x’jaqsam Joseph Muscat u sħabu.