Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa li pajjiżu għandu ’52 sit tal-Iran’ fil-mira u mhux se jaħsibha darbtejn biex jattakkahom ‘bil-qilla kollha tiegħu’ f’każ li l-Istat fundamentalista jwettaq xi offensiva fuq l-Amerikani inkella xi assi tal-Istati Uniti.
Trump ħareġ bit-twissija serja wara l-assassinar, nhar il-Ġimgħa, tal-Ġeneral ewlieni Iranjan, Qasem Soleimani, li nqatel, flimkien ma’ numru ta’ milizji alleati, waqt li huma kienu fl-ajruport ta’ Bagdad, fl-Iraq. Il-qtil seħħ fuq id-direttiva ta’ Trump u issa l-Iran jidher li qed iħejji ‘għal gwerra’ fost it-theddid li se jivvendika ruħu mal-Amerikani.
It-tensjoni kompliet tirranka fl-aħħar sigħat, b’Donald Trump, waqt messaġġ fuq Twitter, jakkuża lill-Iran talli qed jitkellem, b’wiċċu minn quddiem, rigward xi attakki potenzjali fuq numru ta’ assi tal-Amerikani. Hu spjega li l-Amerikani, issa, identifikaw 52 sit ‘li huma importanti ħafna għall-Iran u l-kultura tiegħu’, filwaqt li wissa li dawn is-siti jridu ‘jintlaqtu bil-kbir’ f’każ ta’ xi attakki fuq l-Istati Uniti.
Donald Trump saħaq li t-52 mira jirrappreżentaw lit-52 Amerikan li nżammu ostaġġ, fl-Iran, għal aktar minn sena, mill-aħħar xhur tal-1979. Dawn l-ostaġġi kienu nħatfu mill-Ambaxxata Amerikana f’Tehran u r-relazzjonijiet bejn l-Iran u l-Istati Uniti baqgħu ma rkuprawx minn dakinar.
Sadanittant, xi osservaturi jaħsbu li fis-sitwazzjoni fejn l-Iran qed jhedded vendetta għall-qtil ta’ Soleimani, Donald Trump jista’ qiegħed jadotta ton iebes u aggressiv bil-ħsieb li jnaqqas il-potenzjal ta’ aggressjoni min-naħa ta’ Tehran. Dan waqt li hu qed jiċċara x’għandu jiġri mill-Iran, f’każ li jaqsam mill-kliem għall-azzjoni.
Min-naħa tiegħu, l-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-ogħla awtorità fl-Iran, qal li ‘l-Iran se jaċċerta li l-kriminali li qatlu lil Soleimani jieħdu li ħaqqhom’. Dan waqt li sostna li l-qtil tal-Ġeneral ‘se jirdoppja r-reżistenza tal-Iran fil-konfront tal-Istati Uniti u Iżrael’.
Fi żviluppi oħra, il-websajt ta’ aġenzija tal-Gvern Amerikan spiċċat mira għal grupp bl-isem ‘Iran Cyber Security Group Hackers’. Dan waqt li messaġġ fuq is-sit bl-isem American Federal Depository Library Programme qara li ‘(il-messaġġ) kien ġej mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran li mhux se jieqaf jgħin, fost oħrajn, lill-ħbieb oppressati fil-Lvant Nofsani, inklużi l-Palestinjani, in-nies tal-Jemen, flimkien mal-popli u Gvernijiet tas-Sirja u l-Iraq’.
Il-paġna fuq il-websajt kienet tinkludi anki ritratt irranġat ta’ Donald Trump qed jaqla’ daqqa fuq wiċċu u fejn jidher ‘bid-demm ħiereġ minn ħalqu’. Il-messaġġ tal-hackers ikkonkluda li ‘dan jirrappreżenta parti żgħira biss tal-kapaċità ċibernetika tal-Iran’.
Ftit tal-ħin ilu, id-deputati fil-Parlament tal-Iraq għaddew riżoluzzjoni biex is-suldati barranin jitilqu mill-pajjiż. Ir-riżoluzzjoni li għaddiet qed tidher konnessa mal-qtil tal-Ġeneral Soleimani u l-Parlament f’Bagdad sejjaħ ukoll biex il-qawwiet barranin taħt l-ebda ċirkustanzi ma jitħallew jużaw l-art jew l-ispazju tal-ajru tal-Iraq. L-Istati Uniti, fil-preżent, għandha mal-5,000 membru tal-militar fl-Iraq fejn qed iservu, fil-parti kbira, bħala konsulenti.
//= $special ?>