Lokali

Fil-Bank Pilatus kienu jaħbu sistematikament id-dokumenti

Xi dokumenti fi ħdan il-Bank Pilatus setgħu baqgħu mistura mill-MFSA u l-FIAU waqt l-investigazzjoni fl-2016 minħabba l-fatt li fil-bank kien hemm sistema moħbija ta’ filing.

L-eżistenza ta’ din is-sistema ġiet żvelata mir-rapport tal-inkjesta Egrant waqt it-testimonjanza tal-awdituri ta’ Pilatus, KPMG. Intqal li ċertu informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali kienu jinżammu f’dokument moħbi apparti d-dokumenti operazzjonali l-oħra.

Ix-xhieda spjegaw mal-maġistrat Aaron Bugeja li jaf kien il-każ li l-uffiċjali kontra l-ħasil tal-flus ma rrealizzawx b’dan id-dokumenti moħbija. Antonio Zarb minn KPMG spjega li l-investigazzjoni ta’ kważi 4 snin ilu kkundannat lill-Bank Pilatus l-għaliex kellu ċertu dokumenti essenzjali nieqsa. liema dokumenti nstabu wara mill-istess KPMG. Huwa spekula li Pilatus ried rapport perfett u għaldaqstant jaf ħeba ċertu dokumenti mill-investigaturi.

Dawn l-allegazzjonijiet kienu ntqalu wkoll mill-eks impjegata tal-Bank Maria Efimova fejn kienet saħqet li kemm-il darba kienet ġiet ordnata sabiex b’xi mod timla l-vojt tad-dokumenti nieqsa u moħbija minn Pilatus.

Filwaqt li ma ġew imposti l-ebda penali fuq il-Bank Pilatus, l-istess FIAU lura fl-2018 kienu wettqu rejd mingħajr avviż fejn ikkonfiskaw id-data. Xahar wara dan kollu, iċ-chairman tal-Bank Ali Sadr kien arrestat fl-Istati Uniti akkuzat b’ħasil ta’ flus.

Sadanittant, l-Awtorità Bankarja Ewropea kkonkludiet li l-FIAU marru kontra r-regolamenti Ewropej kontra l-ħasil ta’ flus wara li falliet milli tieħu passi fuq il-Bank Pilatus mis-sejbiet li kienu saru waqt l-ispezzjonijiet tal-2016.