Tal-anqas 30 persuna tilfu ħajjithom, b’għexieren oħra jindarbu, f’attakk mill-ajru fuq skola militari fi Tripli.
Il-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, qed iwaħħal fir-ribelli tal-Armata Libjana tal-Lvant, immexxija mill-Ġeneral Khalifa Haftar, għad-dmija fil-kapitali. Intant, il-kelliema għal Haftar ċaħdu għal responsabbiltà fir-rigward tal-attakk.
L-Armata ta’ Haftar, f’April li għadda, wettqet offensiva fuq Tripli bil-ħsieb li taħtaf il-kontroll tal-kapitali Libjana minn idejn Sarraj u l-milizji alleati ta’ miegħu.
Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Tripli, fl-aħħar sigħat, sejjaħ biex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jiddiskuti l-attakk fuq l-iskola militari. L-awtoritajiet fi Tripli qed jesiġu wkoll biex Khalifa Haftar ikun investigat mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal allegati reati tal-gwerra.
Il-Libja ilha mifnija mill-vjolenza mindu l-eksdittatur, Muammar Gaddafi, tneħħa mill-poter u nqatel waqt l-eqqel tar-rewwixta storika tal-2011, fil-Libja. Dan il-pajjiż, fil-preżent, għandu żewġ gvernijiet rivali – wieħed fi Tripli u ieħor ibbażat f’Tobruk u li hu alleat ta’ Haftar.
Il-konflitt fil-Libja qed isir ukoll bis-sehem ta’ pajjiżi barranin, bil-Parlament tat-Turkija, jiem ilu, jivvota biex jistazzjona t-truppi Torok fil-pajjiż Afrikan bħala appoġġ konkret għall-Gvern ta’ Fayez al-Sarraj.
Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Haftar, f’dan il-konflitt, qed ikollu s-sostenn tar-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu u l-Ġordan.
//= $special ?>