Futbol Sport

Immobile jagħti rebħa oħra lil Lazio u Roma megħluba minn Torino

(Ritratt: EPA)

Lazio bdew is-sena l-ġdida kif spiċċaw ta’ qabilha b’rebħa ta’ 2-1 kontra Brescia li biha kisbu d-disa’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat u laħqu r-rekord tal-klabb. Fl-istaġun 1998/99, Lazio kienu waqqfu dan ir-rekord taħt it-tmexxija ta’ Sven Goran Eriksson .

Kienu Brescia li fetħu l-iskor wara 18-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ MARIO BALOTELLI li hu wkoll għamel rekord hekk kif skorja l-ewwel gowl tad-deċennju fis-Serie A, l-istess kif kien għamel għaxar snin ilu, dak iż-żmien ma’ Inter. Lazio ġabu d-draw fit-42 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Andrea Cistana fuq Felipe Caicedo, bid-difensur jitkeċċa fl-azzjoni. Mill-11-il metru CIRO IMMOBILE ma żbaljax. Kien l-istess CIRO IMMOBILE li skorja l-gowl tar-rebħa fit-92 minuta b’xutt fil-baxx biex skorja d-19-il gowl tal-kampjonat.

Roma kienu megħluba fi Stadio Olimpico kontra Torino 2-0. Iż-żewġ gowls ġew skorjati minn ANDREA BELOTTI meta l-ewwel fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu u rdoppja fis-86 minuta minn penalty.

Davide Nicola beda l-esperjenza bħala kowċ ta’ Genoa b’rebħa ta’ 2-1 kontra Sassuolo fi Stadio Marassi. DOMENICO CRISCITO fetaħ l-iskor minn penalty fid-29 minuta wara li Antonio Sanabria twaqqa’ fil-kaxxa. Iżda dam biss erba’ minuta bil-midfielder PEDRO OBIANG iġib id-draw b’xutt li kien imxellef. Fit-tieni taqsima Sassuolo kienu għoddhom marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Filip Djuricic iżda l-gowl tħassar bil-VAR minħabba li l-ballun mess ma’ id l-istess Djuricic. Kien fis-86 minuta li Genoa skorjaw il-gowl tar-rebħa permezz tal-veteran GORAN PANDEV.

Verona komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa ta’ 2-0 kontra Spal fi Stadio Paolo Mazza. Il-veteran GIAMPAOLO PAZZINI fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira wara 14-il minuta. Nenad Tomovic tkeċċa għal Spal fit-38 minuta u bl-attakkant MARIUSZ STEPINSKI jagħlaq il-logħba fil-85 minuta meta minn rebound ikkonkluda għal ġewwa.

Serie A

Illum: Brescia v Lazio 1-2, Genoa v Sassuolo 2-1, Spal v Verona 0-2, Roma v Torino 0-2, Għada: Bologna v Fiorentina 12.30pm, Atalanta v Parma 3.00pm, Juventus v Cagliari 3.00pm, Milan v Sampdoria 3.00pm, Lecce v Udinese 6.00pm, Napoli v Inter 8.45pm