Lokali

Is-Soċjetà Ċivili m’għandha l-ebda intenzjoni li twaqqaf partit politiku ġdid

Il-Ħadd waranofsinhar saret protesta li kienet segwita minn kunċert kontra l-korruzzjoni li kienu mgħajta mis-soċjetà ċivili.

L-istess soċjetà ċivili illi l-kelliema tagħha fid-diskorsi emozzjonali tagħhom saħqu li m’għandhom l-ebda intenzjoni li jiftħu xi partit politiku tagħhom, anzi għall-kuntrarju huma tkellmu kontra t-tribaliżmu partiġġjan.

Spjegaw li l-iskop wara għaqdiet bħal dawn hu li jżommu lill-politiċi kontabbli għal għemilhom għax din mhix ġlieda għall-poter, iżda ġlieda għal min juża’ l-poter biex jgħatti l-verità u jostakola l-ġustizzja.

Saħqu wkoll li l-oġġettiv hu li tintrebaħ bidla favur Repubblika ġdida, fejn issaltan il-ġustizzja u mhux li tintrebaħ xi elezzjoni.

Fost l-oħrajn spikkaw il-messaġġi b’saħħithom tal-kelliema, li saħqu li hemm bżonn ta’ separazzjoni effettiva ta’ poteri, flimkien mas-Saltna ta’ Dritt, li tirrenja bl-istess kejl għal kulħadd.

Tkellmu wkoll dwar il-bżonn li issa pajjiżna jkollu mexxej li ma jħarisx l-interessi tal-ftit, iżda l-ġid komuni tal-pajjiż.

Barra minhekk, il-Prim Ministru l-ġdid għandu d-dmir li jindirizza r-rabja li qed tirrenja fost il-poplu u li, minkejja li l-votanti għat-tmexxija huma t-tesserati tal-Partit Laburista, il-mexxej il-ġdid se jkun ukoll il-mexxej ta’ pajjiżna u allura, għandu obbligu lejn kulħadd.

Dawn is-sentimenti nħassu mhux biss mill-kelliema, iżda wkoll mill-artisti u l-gruppi mużikali li daqqew u kantaw wara l-protesta.

L-istess artisti li ma beżgħux mill-intimidazzjoni ta’ wħud, fost l-oħrajn dik ta’ Jason Micallef, iċ-Chairman tal-media Laburista, li fl-aħħar jiem infexx f’attakk kontra Alexandra Alden wara li ħabbret li se tkun qed tieħu sehem fil-kunċert.