Lokali

Konrad Mizzi se jingħata kariga importanti mal-Gvern?

Iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Robert Abela, ma jeskludux li jagħtu kariga lil Konrad Mizzi ladarba jiksbu l-poter.

Iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Robert Abela, ma jeskludux li jagħtu kariga lil Konrad Mizzi ladarba jiksbu l-poter.

Dan fid-dawl ta’ xnigħat li Konrad Mizzi jista’ jingħata karigi importanti f’kumpaniji tal-istat, bl-iktar xnigħa persistenti hi dik li jkun offrut il-karoga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Air Malta.

Mistoqsija mill-ġurnal Illum, la Chris Fearne u lanqas Robert Abela ma ċaħdu kategorikament din ix-xniegħa iżda qagħdu jduru mal-lewża biex b’hekk ma jiġġieldu ma’ ħadd fl-eqqel tal-kampanja elettorali tagħhom.

Filfatt Chris Fearne iddikjara biss li m’għandu l-ebda kariga f’moħħu għal Konrad Mizzi, waqt li Robert Abela wieġeb li m’għamel l-ebda patt ma’ Konrad Mizzi.

Konrad Mizzi kien diġa ħabbar pubblikament, fuq il-midja soċjali, li l-appoġġ tiegħu hu għad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne, li s’issa jidher il-favorit. Fl-istess waqt, nies qrib Konrad Mizzi qed jaħdmu bla heda fil-kwartieri tal-kampanja ta’ Fearne f’Ħal Tarxien.

Il-Ministru Konrad Mizzi kellu jirriżenja darbtejn, f’żewġ leġiżlaturi konsekuttivi minħabba li ripetutament ħammar wiċċ pajjiżna bi skandlu wara l-ieħor.

Dan saħansitra meta spiċċa l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li nqabad jaħbi l-kumpaniji fil-Panama. Miegħu, fil-Panama Papers, kien inkixef l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.

It-tnejn li huma baqgħu jgawdu l-appoġġ sħiħ ta’ Joseph Muscat, li baqa’ jipproteġihom u qatt ma keċċihom. Finalment kienu huma stess li rriżenjaw.

Konrad Mizzi kellu jirriżenja wkoll fl-eqqel tal-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalsita Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel hu kien iddikjara li m’għandux x’jaqsam ma’ dan l-assassinju, u allura qal li ma kellux għalfejn jirriżenja. Jiem biss wara, biddel fehmtu u ħalla l-Kabinett ta’ Joseph Muscat.

Fid-dawl ta’ dan, iż-żewġ kandidati ddikjaraw li kieku kienu huma, lil Konrad Mizzi kienu jwarrbuh immedjatament malli ħareġ ismu fl-iskandlu tal-Panama Papers.Iżda bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti … u Chris Fearne u Robert Abela, issa, qed isibuha bi tqila li jwarrbu definittivament lil Konrad Mizzi.