Sport Sport Ieħor

L-Awstralja tirbaħ fl-ATP Cup minkejja n-nuqqas ta’ Kyrgios

(Ritratt: EPA)

It-tennist Awstraljan Nick Kyrgios kellu jirtira mil-logħba kontra l-Kanada minħabba li weġġa’ daharu iżda l-Awstraljani xorta ma kellhomx problema biex rebħu 3-0 biex b’hekk kisbu t-tieni rebħa. L-organizzaturi kienu rebħu kontra l-Ġermanja fl-ewwel konfront u jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja f’Sydney bħala rebbieħa ta’ Grupp F jekk il-Ġermanja tirbaħ kontra l-Greċja.

John Millman ħa post Kyrgios u għeleb lil Felix Auger-Aliassime 6-4, 6-2. Alex de Minaur irkupra minn set u break minn taħt biex rebaħ kontra Denis Shapovalov 6-7, 6-4, 6-2. Grigor Dimitrov mexxa lill-Bulgarija għat-tieni rebħa fl-ATP Cup. Hu rebaħ 6-2, 6-3 kontra Radu Albot tal-Moldova biex b’hekk komplew jibnu fuq ir-rebħa kontra r-Renju Unit.

L-esperjenza ta’ Simone Bolelli u Fabio Fognini kienet importanti f’Perth biex l-Italja rebħet fid-doubles u kisbet rebħa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja. Huma għelbu lil Casper Ruud u Viktor Durasovic 6-3, 7-6.

F’dan it-tournament inawgurali, qed jipparteċipaw 24 nazzjon, bil-logħbiet fuq għaxart ijiem qed jintlagħbu f’Perth, Brisbane u Sydney. Sitta mill-ewwel seba’ tennisti fid-dinja, b’eċċezzjoni tal-Iżvizzeru Roger Federer, qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Riżultati

Grupp Ċ: Bulgarija v Moldova 2-1, Belġju v Renju Unit 1-2

Grupp D: Italja v Norveġja 2-1, Russja v Stati Uniti 2-1

Grupp F: Kanada v Awstralja 0-3, Ġermanja v Greċja 2-1

Logħob li jmiss

Grupp A: Afrika ta’ Isfel v Ċili, Serbja v Franza              

Grupp B: Ġappun v Georgia, Spanja v Urugwaj          

Grupp E: Kroazja v Polonja, Awstrija v Arġentina      

Tags