Internazzjonali

L-Awstrija: Attakk ċibernetiku ‘serju’ kontra l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Il-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin spiċċa l-mira ta’ attakk ċibernetiku ‘serju’ li hu suspettat li qed jitwettaq minn pajjiż ieħor.

Kelliema għall-Ministeru qalu li l-element tal-attakk jissuġġerixxi li dan seta kien xprunat ‘fuq livell ta’ Stat’. Dan meta l-attakk, li beda fil-lejl tas-Sibt, kapaċi jibqa’ għaddej għal diversi jiem.

L-iżvilupp seħħ fl-istess jum meta l-Partit tal-Ħodor tal-Awstrija appoġġja t-twaqqif ta’ koalizzjoni mal-konservattivi fi Vienna.

Intant, ir-reazzjoni għall-attakk ċibernetiku kienet immedjata, bil-Ministeru fi Vienna jieħu l-kontromiżuri kollha neċessarja għas-sigurtà.

L-attakk qed jidher simili għal każi oħra, fil-passat, fejn diversi pajjiżi tal-Ewropa wkoll kienu waqgħu vittmi ta’ azzjonijiet ċibernetiċi fuq dan il-livell.