L-Iran iddikjara li mhux se jirrikonoxxi aktar ir-restrizzjonijiet li kienu imposti fuqu permezz tal-ftehim nukleari storiku li ntlaħaq fl-2015 mir-rappreżentanti ta’ Tehran u l-potenzi tad-dinja.
L-Iran, permezz ta’ stqarrija, għamilha ċara li mhux se josserva aktar il-limitazzjonijiet għall-kapaċitajiet tiegħu għall-irraffinar tal-uranju li jintuża għall-produzzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa. Fl-istess ħin, ir-reġim Iżlamiku f’Tehran, minn issa ‘il quddiem, lanqas mhu se josserva limiti għall-ħażniet nukleari tiegħu — l-istess fir-rigward tal-aspetti għal riċerka u żvilupp f’dan il-qasam.
L-istqarrija ngħatat wara laqgħa tal-Kabinett f’Tehran u fost it-tensjoni akuta li qed tirrenja fil-Lvant Nofsani wara l-qtil tal-Ġeneral Iranjan ewlieni, Qasem Soleimani, li jiem ilu spiċċa mira ta’ drone tal-Istati Uniti.
Taħt il-ftehim tal-2015, l-Iran kien qabel biex jillimita l-attivitajiet nukleari sensittivi tiegħu waqt li jippermetti lill-ispetturi internazzjonali biex jirritornaw f’artu. Dan bi skambju mat-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi kbar fuq l-Istat Iżlamiku fundamentalista.
Intant, il-President Amerikan Donald Trump, fl-2018, kien abbanduna l-ftehim u qal li ried jisforza lill-Iran biex jinnegozja ftehim ġdid bil-ħsieb li jaċċetta l-kontrolli indefinittivi għall-programm nukleari tiegħu. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti żiedet il-pressjoni fuq Tehran biex iwaqqaf l-iżvilupp tal-missili ballistiċi.
//= $special ?>