Mijiet tal-eluf ħarġu fit-toroq fl-Iran biex jilqgħu ir-ritorn tal-fdalijiet tal-Ġeneral Qasem Soleimani li kien wieħed mill-aktar personalitajiet militari influwenti għar-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, minbarra li eroj nazzjonali għall-Iranjani.
Il-katavru ta’ Soleimani, fis-sigħat bikrin tallum, ittieħed lejn il-belt ta’ Ahvaz wara li kien twassal mill-Iraq lejn l-Iran u fejn ħarġu biex jilqgħuh folol ta’ nies lebsin l-iswed u li bdew jgħollu ’l fuq ir-ritratti tal-Ġeneral.
Twasslu wkoll fl-Iran il-katavri ta’ ħames Iranjani li nqatlu (ma’ Soleimani) fl-attakk bid-drone li ordna l-President Amerikan Donald Trump. Ma’ dawn kien hemm il-katavru ta’ Abu Mahdi al-Muhandis, l-Iraqi li kien jikkmanda lill-grupp Kataib Hezbollah tal-milizji u li wkoll spiċċa vittma tad-drone.
Kien hemm xeni simili fil-belt ta’ Mashhad, meta ċ-ċerimonji ta’ luttu qegħdin ikomplu madwar l-Iran. Intant, il-membri tal-Parlament Iranjan f’Tehran għajtu ‘Mewt lill-Istati Uniti’ għal diversi minuti waqt sessjoni tal-kamra, b’Ali Larijani, l-Ispeaker tal-Parlament, ‘iħeġġeġ lil Donald Trump biex jisma’ l-vuċi tal-poplu Iranjan’.
Għall-Iranjani, il-qtil ta’ Soleimani qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira peress li hu kien strumentali għall-influwenza kbira tal-Iran madwar il-Lvant Nofsani. Il-Ġeneral kien anki meqjus bħala t-tieni l-aktar uffiċjal Iranjan b’saħħtu wara l-Ayatollah Ali Khamenei – il-Mexxej Suprem tal-Iran.
Waqt li l-Iran qed ikompli josserva dan il-perjodu ta’ luttu, l-analisti li qegħdin isegwu l-iżviluppi tas-sitwazzjoni perikoluża qalu li l-Iran, fil-jiem li jmiss, kapaċi jippersisti bl-attakki ċibernetiċi kontra l-Istati Uniti u fejn mhumiex jeskludu għall-‘attakki tradizzjonali (minn Tehran)’ fuq il-miri u l-interessi tal-Amerikani fil-Lvant Nofsani.
Fl-istess ħin, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, sostna li kwalunkwe attakk mill-Amerikani fuq xi sit kulturali tal-Iran għandu jikkostitwixxi reat tal-gwerra.
//= $special ?>