Fl-aħħar xhur mill-ispazju tal-ajru Malti ripetutament kienu, u aktarx għadhom, qed jgħaddu diversi ajruplani waqt li joperaw titjiriet suspettużi, li aktarx saħansitra kienu qed iwasslu l-armamenti lejn il-Libja bi ksur tas-sanzjonijet internazzjonali.
Dan joħroġ minn investigazzjoni tal-għaqda mhux governattiva C4ADS li jikxef diversi titjiriet mit-Turkija lejn il-Libja, billi għaddew minn fuq Malta.
Permezz tal-aħħar teknoloġija biex wieħed janalizza d-data, C4ADS tiddedika l-ħidma tagħha biex, permezz tal-analiżi tal-informazzjoni u l-evidenza, tirrapporta fuq kwistjonijiet relatati mal-kunflitt globali u s-sigurtà trans-nazzjonali.
L-investigazzjoni li wettqet din l-għaqda, u li tolqot direttament lil Malta, hi dwar il-Grupp Global Aviation and Services (GASG), li għandu diversi rabtiet mat-Turkija. Din il-kumpanija, jidher li hi mmexxija mill-Kaptan Abdussala Ibrahim Aradi bħala Chairman u Direttur Maniġerjali.
Tant hu hekk li l-istess kumpanija, li fl-2006 biddlet isimha għal Global Air, kienet fil-mira ta’ investigazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar diversi trasferimenti ta’ armi bejn pajjiżi Afrikani f’mill-inqas żewġ episodji differenti.
Fis-27 ta’ Settembru tal-2006, ajruplan tal-ġarr tal-merkanzija niżel f’Baidoa, is-Somalja, fejn wassal żewġ vetturi tal-gwerra u numru ta’ uffiċjali militari mlaħħqa mill-armata tal-Uganda. It-titjira tħaddmet mill-Global Aviation and Services Group.
Seba’ snin wara, l-istess kumpanija tniżżlet fuq nota ta’ kunsinna tal-ajru għat-trasferiment mhux uffiċjali ta’ eluf ta’ pistoli tat-tip Caracel F. Dawn twasslu fil-Libja biex issupplixxew lill-forzi Libjani li f’dak iż-żmien kienu taħt il-Ministeru tal-Intern ta’ Mitiga, fil-Libja. Dawn il-pistoli jirriżulta li nxtaw minn kumpanija bbażata fl-Istati Uniti u twasslu lejn il-Libja mill-kumpanija Caracel International LLC, irreġistrata fl-Emirati Għarab Magħquda.
L-investigazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti sabu li dawn it-trasferimenti kienu biss uħud minn diversi li wasslu biex inkisru sanzjonijiet imposti fuq il-Libja u pajjiżi oħra. Kumpaniji bħal GASC ġew implikati bħala parti minn grupp li taw daqqa t’id biex dawn is-sanzjonijiet jiġu evitati.
Dan wassal biex għajnejn diversi investigaturi nxteħtu fuq din il-kumpanija. Fost oħrajn instabu ritratti li juru liċ-Chairman ta’ GASC, il-Kaptan Aradi, f’laqgħat mal-kumpanija Skylink Aviation. Din il-kumpanija tal-ġarr tal-merkanzija bl-ajru topera f’diversi pajjiżi mifnija mill-kunflitt, fosthom l-Afganistan, is-Somalja u s-Sudan.
Minn diversi ritratti analizzati mill-għaqda C4ADS jirriżulta li l-kumpanija GASC kellha rabta speċjali mal-Libja. Tant hu hekk li diversi ritratti ppubblikati fuq il-midja soċjali juru l-ajruplani tagħha fl-ajruporti ta’ Mitiga u Benghazi fl-2007 u l-2008 rispettivament.
Dan apparti li l-kumpanija kienet topera titjiriet regolari minn ajruporti fit-Turkija lejn dawk fil-Libja, minn Benghazi lejn Dubaj u minn Dubai lejn diversi destinazzjonijiet Afrikani, b’mod speċjali lejn Njdamena, fiċ-Chad.
Skont in-Nazzjonijiet Uniti, fl-2017 il-kumpanija laħqet ukoll ftehim ta’ titjiriet permezz ta’ ajruplani chartered mingħand AerotransCargo, li hi kumpanija mill-Moldovja. Din il-kumpanija taqsam l-indirizz mal-kumpanija, Air Stork, u għandha wkoll uħud mis-sidien li huma komuni. Fl-istess indirizz wieħed isib ukoll ħames kumpaniji oħra, li erba’ minnhom joperaw fis-settur tat-trasport bl-ajru (kemm tal-passiġġieri u tal-merkanzija), servizzi ta’ ħażna ta’ merkanzija jew jissuplixxu u jsewwu tagħmir relatat.
Ta’ min jinnota li f’April tal-2019, l-Unjoni Ewropea waqqfet lil Air Stork milli topera fl-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt l-Unjoni Ewropea. Madankollu din ir-restrizzjoni ma laqtitx lil AerotransCargo. Dan ifisser li, potenzjalment, Air Stork baqgħet topera billi tuża l-kodiċi tal-ajru ta’ AerotransCargo.
Fl-2016, investigazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabet li mill-inqas żewġ ajruplani tal-Air Stork kienu ġew trasferiti mill-kumpanija tal-Moldova Sky Prim Air, li fl-2016 l-ajruplani tagħha nqabdu jittrasportaw uffiċjali u gruppi armati alleati mal-Ġeneral Haftar Khalifa tal-Armata Nazzjonali tal-Libja.
Dawn il-kumpaniji wkoll għandhom rabta mill-qrib mal-grupp GASG tant li f’Settembru tal-2017 instab li din il-kumpanija kriet ajruplan tal-kumpanija Air Stork, bin-numru tar-reġistrazzjoni ER-ABE. Ajruplan bl-istess kodiċi, f’April tal-2018, deher jivvjaġġa bejn Istanbul u Misrata.
Fl-istess investigazzjoni nstab ukoll li l-grupp GASC uża ajruplani chartered mingħand l-Aerotrans Cargo għal ammont mhux identifikat ta’ titjiriet lejn il-Libja, fosthom titjiriet mit-Turkija lejn il-Libja. Dan fi żmien meta n-Nazzjonijiet Uniti kienet diġa’ imponiet diversi sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż.
Minkejja li mhux magħruf x’kien hemm abbord dawn it-titjiriet, li jidher li saru grazzi għall-kollaborazzjoni bejn Aerotrans Cargo u GASC, jitqajmu diversi dubji u suspetti li dawn kienu intenzjonati biex jissuplixxu lill-milizzji Libjani bl-armamenti.
Id-dubji jitqajmu fost oħrajn għar-regolarità tat-titjiriet, bi tlieta minn erba’ ajruplani tal-AerotransCargo joperaw taħt il-call signs normalment attribwiti għall-GASC, bejn it-Turkija u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Mitiga, fi Tripli, il-Libja.
L-informazzjoni miksuba dwar it-titjiriet ta’ dawn l-ajruplani filfatt turi passaġġi minn fuq Malta. Dan jgħodd kemm meta r-rotta preferuta kienet minn fuq it-Turkija għall-baħar Mediterran, kif ukoll meta għaddew min-naħa t’isfel u min-naħa ta’ fuq tal-Greċja.
Din l-investigazzjoni filfatt tixħet dawl ġdid dwar il-possibbiltà li r-rotta mit-Turkija qed tintuża għall-armament tal-gruppi fil-Libja, minkejja sanzjonijiet internazzjonali ċari li jimponu dan. Jekk minnu, dan ifisser ukoll li l-ispazju tal-ajru tal-Unjoni Ewropea, inkluż dak ta’ pajjiżna, kien qed jintuża bħala parti mir-rotta li kienet qed twassal dawn l-armi.
Dan is-sit ilu tlett ijiem li bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru responsabbli mill-Affarijiet Barranin, immexxi mill-Ministru Carmelo Abela. Staqsejna fost oħrajn għar-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti u, f’każ li d-dettalji huma konfermati, x’azzjoni ttieħdet minn pajjiżna. Madankollu, s’issa bqajna mingħajr risposta.
//= $special ?>