Edukazzjoni Lokali

L-MCAST jinsab mingħajr Bord tal-Istudju – ksur tal-Att dwar l-Edukazzjoni

Is-sitwazzjoni fl-MCAST iktar ma jmur iktar qed tiddeterjora u issa saħansitra sar magħruf li l-Kulleġġ kien qed jopera bi ksur tal-Att dwar l-Edukazzjoni.

Dan hekk kif għal sena sħiħa fil-Kulleġġ ma kienx hemm Bord tal-Istudju.

Dan ħareġ fil-gazzetta ‘The Malta Independent on Sunday’ li tirrapporta dwar dak li seħħ matul is-sena skolastika għall-2018 u l-2019 b’riskju għall-edukazzjoni ta’ dawk li segwew xi kors fil-kulleġġ.

Tant hu hekk li l-ġurnal jiżvela li mill-14 ta’ Frar tal-2018 s’issa ma saritx laqgħa waħda biex jiġu diskussi kwistjonijiet li jolqtu l-kulleġġ u l-istudenti tiegħu.

Dan il-Bord kien ‘sospiż’ hekk kif fi kliem il-Prinċipal tal-MCAST minn din is-sena għandhom jidħlu fis-seħħ liġijiet ġodda. Madanakollu, il-liġi Maltija tgħid li kulleġġ ma jistax jopera mingħajr Bord tal-Istudju.

Fl-Att tal-Edukazzjoni nsibu li għal kull istitut tal-MCAST, li fih total ta’ sebgħa, għandu jkun hemm Bord tal-Istudju li jikkonsisti f’numru ta’ persuni li ġejjin minn oqsma varji.

Meta l-midja talbet għal-lista tal-persuni fuq kull bord, din it-talba ġiet injorata.

Fost ir-regoli fl-Att tal-Edukazzjoni hemm ukoll li l-Bord għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull sitt ġimgħat filwaqt li għandu jkun hemm mill-inqas ħames persuni preżenti.

Il-Prinċipal saħaq li minkejja li l-Bord tal-Istudju ma ltaqax f’dawn l-aħħar xhur, il-Kunsill tal-Istituti xorta waħda kienu qed jiltaqa’ biex jittieħdu deċiżjonijiet neċessarji.Fl-istess nifs jgħid li l-Bord tal-Istudju hu ta’ importanza u jservi ta’ pilastru biex l-MCAST jibqa’ għaddej bl-aħjar mod.