Internazzjonali

Renju Unit: Keir Starmer se jikkontesta għat-tmexxija Laburista

Sir Keir Starmer, shadow secretary għal Brexit, ikkonferma li se jkun qed jisfida għat-tmexxija tal-Partit Laburista li, f’Diċembru, sofra l-akbar umiljazzjoni elettorali mis-snin tletin ‘il hawn.

Intant, qed tirranka t-tellieqa għal min se jilħaq Kap ġdid tal-Laburisti fl-Oppożizzjoni minflok Jeremy Corbyn. Dan meta Starmer, li qed jitqies bħala wieħed mill-favoriti biex jieħu t-tmun tal-partit, kiteb fis-Sunday Mirror li l-Partit Laburista ‘jeħtieġ jibni ruħu mill-ġdid u malajr’ biex jirbaħ lura l-fiduċja tal-elettorat. Hu anki sostna li l-fiduċja tista’ tinkiseb mill-ġdid, dment li l-partit ‘jisma’ dak li għandhom x’jgħidu l-votanti’.

Keir Starmer, li fir-referendum tal-2016 ivvota favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, kien fost il-protagonisti fil-Partit Laburista li insistew għal referendum ġdid. Uħud mill-alleati ta’ Corbyn qalu li l-politika ‘riġida’ ta’ Starmer fil-konfront ta’ Brexit kienet raġuni għar-riżultati diżastrużi tal-Laburisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Fis-sigħat precedenti, id-deputati Lisa Nandy u Jess Phillips ukoll ikkonfermaw li qegħdin jikkuntestaw għat-tmexxija Laburista bħala ‘il-pass li jmiss’ wara li Corbyn ħabbar, jiem ilu, li għandu jwarrab min Kap Laburista wara d-disfatta ta’ Diċembru.

Kuntestanti oħrajn għat-tmexxija Laburista huma Emily Thornberry, il-kelliema Laburista għall-Affarijiet Barranin u Clive Lewis bħala l-kelliem tal-partit għall-Finanzi (shadow treasury minister). Dan fost stennija li tiżdied ukoll mal-lista tal-isfidanti Rebecca Long-Bailey, li hi l-kelliema Laburista għall-Kummerċ.