Tħabbret il-mewt tal-eks plejer Leo Mifsud li miet fl-età ta’ 50 sena wara dik li tidher li kienet kawża ta’ attakk tal-qalb. Fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Phoenicians, Stompers, Valletta Lions u Falcons, il-klabb li miegħu rtira proprju ftit tas-snin ilu.
Il-fatt li baqa’ jilgħab sa età daqshekk kbira, tixhed id-dedikazzjoni u l-imħabba li Mifsud kellu għar-rugby. Mifsud li kien jilgħab fil-pożizzjoni ta’ prop, kien jifforma parti mill-ewwel tim nazzjonali Malti li lagħab b’kod kompetittiv.
Fis-sena 2000 it-tim Malti kien lagħab kontra l-Moldova u għalkemm kien megħlub, Leo Mifsud kien mhux biss jifforma parti mit-tim nazzjonali, iżda kien wieħed mill-plejers li twieldu u għexu f’pajjiżna.
Dan il-fatt hu importanti hekk kif sal-lum it-tim Malti għad għandu plejers li jilagħbu mat-tim nazzjonali iżda ma jkunux twieldu jew għexu f’pajjiżna u jkunu eliġibbli minħabba dixxendenza. Hu baqa’ jilgħab mat-tim nazzjonali sal-2007, bl-aħħar logħba tiegħu tkun f’Mejju tal-istess sena f’telfa ta’ 36-3 kontra l-Polonja.
//= $special ?>