Tottenham se jkollhom bżonn replay biex jippruvaw jikkwalifikaw għar-raba’ rawnd wara li sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 mit-tim taċ-Championship Middlesbrough, f’logħba li ntlagħbet f’Riverside Stadium. Ir-replay tintlagħab it-Tlieta 14 ta’ Jannar sakemm ma jkunx hemm arranġamenti tat-televiżjoni. Kien it-tim ta’ Jonathan Woodgate li mar fil-vantaġġ fil-50 minuta permezz ta’ Ashley Fletcher li rċieva ballun ta’ George Saville u qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda qabel għeleb lil Paulo Gazzaniga. Tottenham ġabu d-draw fil-61 minuta bi kross mil-lemin ta’ Serge Aurier isib lil Lucas Moura li skorja b’daqqa ta’ ras.
Liverpool komplew jirbħu meta għalkemm b’tim esperimentali u mimli żgħażagħ rebħu d-derby 1-0 kontra Everton f’Anfield. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fil-71 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa taż-żagħżugħ Curtis Jones li ma tax ċans lil Jordan Pickford bi ġmiel ta’ gowl fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Chelsea għaddew għar-raba’ rawnd wara rebħa ta’ 2-0 kontra Nottingham Forest fi Stamford Bridge. Callum Hudson-Odoi fetaħ l-iskor wara sitt minuti b’xutt fil-baxx wara azzjoni mil-lemin. L-iskor sar 2-0 fit-33 minuta meta Ross Barkley kompla għal ġewwa mill-viċin wara li xutt ta’ Hudson-Odoi kien salvat parzjalment.
It-tim tal-Premier League Crystal Palace kienu eliminati minn Derby County taċ-Championship b’telfa ta’ 1-0 f’Selhurst Park. Il-gowl tar-rebħa għat-tim ta’ Philippe Cocu wasal fit-32 minuta b’gowl ta’ Chris Martin wara kross mil-lemin. Crystal Palace sfaw jilagħbu b’raġel anqas wara li tkeċċa Luka Milivojevic fit-63 minuta.
West Ham kellhom bżonn żewġ gowls fl-aħħar kwarta biex għelbu lit-tim ta’ League 1 Gillingham 2-0 barra minn darhom. Pablo Zabaleta fetaħ l-iskor fl-74 minuta biex Pablo Fornals għalaq il-logħba bit-tieni gowl fid-90 minuta.
FA Cup
It-Tielet Rawnd
Illum: Bristol v Coventry 2-2, Burton v Northampton 2-4, Charlton v West Brom 0-1, Chelsea v Nott. Forest 2-0, Crewe v Barnsley 1-3, Crystal Palace v Derby 0-1, Middlesbrough v Tottenham 1-1, QPR v Swansea 5-1, Sheffield United v Fylde 2-1, Liverpool v Everton 1-0, Gillingham v West Ham 0-2,Għada: Arsenal v Leeds 8.56pm
//= $special ?>