Lokali

Tranżazzjoni ‘ġennata’ bejn Keith Schembri u Brian Tonna

Tranżazzjoni ta’ 100,000 ewro bejn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Awditur tiegħu Brian Tonna mhi xejn ħlief “ġennata”.

Hekk iddeskriviha l-eks Direttur mhux Eżekuttiv tal-Bank Pilatus Philip Mercieca, fix-xhieda tiegħu bħala parti mill-Inkjesta Egrant.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta kkwotat din ix-xhieda dwar somma kbira ta’ flus, aktarx riżultat ta’ tixħim relatat mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Din it-tranżazzjoni kienet ilha tiġi investigata sa minn April 2017.

Brian Tonna, sid il-kumpanija Nexia BT, ipprova jistaħba wara l-iskuża li l-100,000 ewro li ngħata minn Schembri kienu ħlas lura għal self li l-eks Chief of Staff ta’ Muscat għamel mingħandu fl-2012 waqt perjodu ħażin kawża ta’ proċeduri ta’ separazzjoni.

Iżda għal Philip Mercieca, li min-naħa tiegħu kien Bankier professjonali, din it-tip ta’ relazzjoni bejn Awditur u l-klijent tiegħu qatt ma kien semagħha qabel. Anke li taħseb li tagħmel tali tranżazzjoni, mhi xejn ħlief ġennata, qal lill-Maġistrat Aaron Bugeja.

Fix-xhieda tiegħu, l-eks Direttur tal-Pilatus qal li kien ikkonfronta lil sid il-Bank Ali Sadr Hasheminejad dwar ir-relazzjoni bejn Pilatus u Keith Schembri waqt laqgħa tal-Bord tal-Bank. Dan sar l-għada stess li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet allegat li l-kumpanija Egrant kienet ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.

Philip Mercieca kompla li Hasheminejad kien ipprova jagħti x’jifhem li m’hemm xejn ħażin fir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri, anke fid-dawl tal-fatt li Hasheminejad kien qallu li Schembri kellu biss kont personali mingħajr flejjes kbar fih. Fl-istes waqt, kien qallu wkoll li r-relazzjoni bejn il-Bank u l-eks Chief of Staff ta’ Muscat kienet spiċċat għalkollox.

Anke l-FIAU qajmet is-suspetti tagħha wara l-iskuża li ta Brian Tonna, hekk kif baqgħu ma nstabu l-ebda traċċi ta’ self bejn Schembri u sid Nexia BT. Dan aktar u aktar meta l-100,000 ewro kienu trasferiti aktar tard lejn il-kumpanija Willerby Trading, li Brian Tonna kien fetaħ bil-moħbi fil-British Virgin Islands.Philip Mercieca qal lill-Maġistrat Bugeja li wara l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, hu ma ħassux komdu jibqa’ assoċjat ma’ dan il-Bank, li skont il-ġurnalista fetaħ f’pajjiżna biex jintuża sempliċiment għal ħasil il-flus.