Lokali

“Trasformazzjoni Laburista li kissret is-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – PN

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija li ħareġ jgħid li Joseph Muscat ġab trasformazzjoni fejn il-poteri ma ħallihomx aktar għand in-nies imma ħadhom hu kollha taħt idejh u b’dan l-aġir ġab il-kundanna tal-istituzzjonijiet Ewropej internazzjonali. Dan meta qalulu għal aktar minn darba li ma jistax ikollu l-poteri kollha f’idejh.

Trasformazzjoni oħra li ġab Joseph Muscat hija t-tkissir tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna li kienet waħda tajba iżda llum għadha fir-riskju li tiġi blacklisted minħabba l-aġir tal-Gvern Laburista, u dan b’theddida għax-xogħlijiet f’setturi ferm importanti bħas-settur finanzjarju, is-settur bankarju u l-gaming.

L-ikbar trasformazzjoni li ġab il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat hija li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-uffiċċju tal-Prim Ministru huwa investigat bl-involviment f’assassinju, dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Partit Nazzjonalista jispiċċa billi jgħid li dan huwa l-ftaħir tat-trasformazzjoni li ġab Joseph Muscat, kundanna waħda wara l-oħra, u issa l-poplu Malti jrid jerġa’ jibni mill-ġdid.