Lokali

Vapur li sewa’ iktar minn €2 miljun fi spejjeż

Il-poplu Malti u Għawdxi, f’sitt xhur biss, ħareġ xejn inqas minn €2 miljun biex il-vapur Grieg ‘MV Nikolaos’ servi bejn Malta u Għawdex.

Dan joħroġ minn storja fil-ġurnal il-mument li tirrapporta kif il-kumpanija Griega li hi s-sid ta’ dan il-vapur qadim qed titħallas ċirka €10,000 kuljum għall-kirja tiegħu lill-Gozo Channel.

Uffiċjalment it-tmexxija qatt ma tat rendikont ta’ x’qed tħallas biex ikollha r-raba’ vapur fl-iskeda tagħha, u tippersisti li taħbi din l-informazzjoni bl-iskuża ta’ raġunijiet kummerċjali.

Madanakollu sorsi fi ħdan il-Gozo Channel li f’dawn il-jiem tkelmu mal-Mument żvelaw li fi ħlasijiet ta’ kirja biss, il-kumpanija Gozo Channel qed toħroġ mal-€10,000 kuljum.

Ma’ dawn l-ispejjez il-kumpanija trid tagħmel tajjeb ukoll għall-fjuwil, li jitħallas direttament mill-Gozo Channel. Dan ifisser li l-€10,000 ikopru biss il-kirja tal-vapur.

L-ispiża fl-ewwel sitt xhur tal-operat ta’ dan il-vapur f’Malta b’hekk titla’ għal madwar €2 miljun, bil-Gvern li m’għandu l-ebda pjani biex il-Gozo Channel ikollha r-raba’ vapur tagħha b’mod permanenti.

L-‘MV Nikolaos’ kapaċi jġorr mal-160 karozza u aktar minn 600 passiġġier, iżda hu wieħed qadim tant li fuqu kien hemm bżonn xogħol strutturali.

Fost oħrajn dan biex sar chair lift u żewġ rampi dojoq fil-ġnub tal-istess vapur konsegwenza tal-kritika li kienet saret lill-Gvern hekk kif il-bastiment għandu aċċessibbiltà riservata ħafna.

Is-sorsi li tkelmu mal-Mument qalu li ż-żieda ta’ vapur ieħor fis-servizz bejn Malta u Għawdex kienet bżonnjuża, iżda l-għażla setgħet waqgħet fuq vapur aktar modern. Minflok, il-Gvern għażel vapur li għandu aktar minn 32 sena ta’ servizz u mimli bis-sadid.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà kienet uriet it-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ aċċessibiltà li oriġinarjament kien joffri l-vapur Grieg li beda jitħaddem mill-Gozo Channel f’Ġunju li għadda. Filfatt, għal diversi xhur, dan saħansitra ma kellux servizz ta’ lift komdu għall-passiġġiera.Tali tħassib kien jirrifletti l-karba ta’ nies li għandhom diffikultajiet fil-mobilità tagħhom sew minħabba diżabbiltà, età jew saħħa u li kienu jilmentaw li l-vapur kien mimli bit-taraġ.