Lokali

Yorgen Fenech żar Kastilja 26 darba – l-iktar biex jiltaqa’ ma’ Konrad Mizzi

L-imprenditur Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien iżur regolarment Kastilja.

Minn talba għall-informazzjoni li saret mis-sit LovinMalta jirriżulta li sa mindu l-Partit Laburista ħa l-poter, Fenech mar Kastilja tal-inqas 26 darba. Minn dawn, 19 kienu żjarat lil Konrad Mizzi.

L-iktar sena li fiha ż-żjarat kienu frekwenti kienet l-2014, is-sena li fiha Konrad Mizzi kien għadu Ministru responsabbli mill-Enerġija kif ukoll fiż-żmien li fih kienet qed titħejja l-offerta għall-bini u l-operat tal-power station il-ġdida tal-Electrogas. F’dan il-perjodu, Yorgen Fenech mar Kastilja 17-il darba.

Fis-sena ta’ wara, f’April tal-2015, l-Electrogas intagħlet biex tmexxi din il-powerstation. Minn hawn iż-żjarat ta’ Yorgen Fenech f’Kastilja, li hu parti minn dan il-konsorzju, kważi sfaxxaw fix-xejn tant li fl-2015 u l-2017 mar biss darba u ma kien hemm l-ebda żjara fl-2016.

Minn dak iż-żmien Konrad Mizzi rriżenja minn membru tal-Gvern Laburista, iżda s’issa ma tax raġuni għala għamel dan minkejja li ftit jiem qabel ftaħar li ma kellux għalfejn jirriżenja.

Din l-informazzjoni tkompli torbot fuq l-aħbarijiet tal-aħħar jiem, li jikxfu kemm Yorgen Fenech kien qrib tan-nies ta’ Kastilja.

Fost dan minn informazzjoni fil-Qorti, fejn saħansitra kien żvelat li Keith Schembri, eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, kellu telefonata ta’ kważi nofs siegħa miegħu lejliet li allegatament ipprova jaħrab minn Malta.

Filfatt Yorgen Fenech żar lil Keith Schembri ħames darbiet f’Kastilja, sa mill-elezzjoni tal-2013.

Fl-aħħar jiem anke Joseph Muscat inkixef li kien qrib sew tiegħu tant li siefru għat-tieġ ta’ Ali Sadr fl-Italja, irċieva mingħandu arloġġ li jiswa’ iktar minn €20,000 kif ukoll sett inbid prezzjuż wara li stiednu għal riċeviment fil-Palazz tal-Girgenti.