Lokali

Anzjan ta’ 79 bi ġrieħi gravi wara ħabta f’San Ġiljan

Ritratt: Arkivji

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan.

Għall-ħabta tas-7.20am, il-Pulizija kienu infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom f’Telgħet Birkirkara wara li persuna kienet intlaqtet minn vettura.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li raġel ta’ 79 sena residenti San Ġiljan safa’ milqut minn vettura ta’ tip Volkswagen Up misjuqa minn raġel ta’ 56 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.