Futbol Sport

Benzema u Bale se jitilfu s-Super Cup Spanjola

(Ritratt: EPA)

Iż-żewġ plejers ta’ Real Madrid Karim Benzema u Gareth Bale se jitilfu s-Super Cup ta’ Spanja li se tintlagħab din il-ġimgħa fl-Arabja Sawdija. Il-klabb ikkonferma f’żewġ stqarrijiet separati li mhux se jilagħbu wara li bdew fir-rebħa ta’ 3-0 tas-Sibt li għadda kontra Getafe.

Benzema weġġa’ l-hamstring filwaqt li Bale qed isofri minn infezzjoni f’sidru. Fiż-żewġ okkażjonijiet għad m’hemmx data meta jistgħu jirritornaw. Eden Hazard ukoll mhux se jilgħab minħabba li weġġa’ l-għaksa, bil-gowlkiper ta’ Barcelona Marc-Andre ter Stegen u l-attakkant ta’ Valencia Rodrigo wkoll se jitilfu t-tournament li hu mibdul mis-snin passati.

Oriġinarjament is-Super Cup Spanjola kienet tintlagħab bejn iċ-champions ta’ Spanja u r-rebbieħa tat-Tazza tar-Re fuq żewġ logħbiet. Iżda l-Kap tal-Federazzjoni Spanjola Luis Rubiales għamel bidla radikali f’Novembru hekk kif laħaq ftehim ta’ tliet snin biex jintlagħab tournament fl-Arabja Sawdija, mossa li ma tantx niżlet tajba mal-partitarji Spanjoli.

B’kollox se jipparteċipaw erba’ timijiet. Real Madrid u Valencia jiltaqgħu fl-ewwel semifinali f’Jeddah l-Erbgħa li ġej qabel Barcelona u Atletico Madrid jilagħbu kontra xulxin ġurnata wara, bil-finali tintlagħab il-Ħadd li ġej.