Sport Sport Ieħor

Djokovic jirbaħ u jpoġġi lis-Serbja mal-aħħar tmienja tal-ATP Cup

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic għeleb l-isfida delikata ta’ Gael Monfils 6-3, 6-2 biex witta t-triq għall-kwalifikazzjoni mal-aħħar tmienja tas-Serbja fi Brisbane. Djokovic kien rebaħ il-15-il dwell li kellu ma’ Monfils u kellu bżonn isalva disa’ break points filwaqt li ħa vantaġġ mit-tlieta li kellu. Benoit Paire kien ta vantaġġ lill-Franċiżi wara li għeleb lil Dusan Lajovic 6-2, 6-7, 6-4. Wara li Djokovic ġab id-draw, hu ngħaqad flimkien ma’ Viktor Troicki biex għelbu lil Nicolas Mahut u Edouard Roger-Vasselin 6-3, 6-7, 10-3.

Is-sid numru wieħed tad-dinja Rafael Nadal ukoll kien f’forma tajba b’rebħa ta’ 6-2, 6-1 kontra Pablo Cuevas f’Perth u assigura r-rebħa għal Spanja. Roberto Bautista Agut kien ta vantaġġ lill-Ispanjoli b’rebħa wkoll ta’ 6-1, 6-2 kontra Franco Roncadelli.

Kevin Anderson rebaħ l-ewwel konfront kemm ilu li rritorna b’rebħa ta’ 6-0, 6-3 fuq iċ-Ċilen Cristian Garin. Anderson lagħab biss ħames tournaments is-sena l-oħra minħabba li weġġa’ l-irkoppa. Hu tilef is-Sibt li għadda kontra Djokovic 7-6, 7-6 fl-ewwel logħba mit-tielet rawnd ta’ Wimbledon. L-eks numru ħamsa tad-dinja ma kellux break point kontrih u rebaħ mingħajr diffikultà.

Is-sid numru erbgħa tad-dinja Dominic Thiem irkupra mit-telfa kontra Borna Coric biex għeleb lil Diego Schwartzman 6-3, 7-6 u għen lill-Awstrija tirbaħ kontra l-Arġentina.

Ir-rebbieħ tal-Open tal-Istati Uniti tal-2014 Marin Cilic, rebaħ kontra Kacper Zuk 7-6, 6-4. Ir-rebħa tiegħu għenet lill-Kroazja biex tirbaħ kontra l-Polonja. Il-Ġappun  ukoll kisbet it-tieni rebħa wara rebħiet fl-individwali ta’ Yoshihito Nishioka u Go Soeda kontra Georgia.

F’dan it-tournament inawgurali, qed jipparteċipaw 24 nazzjon, bil-logħbiet fuq għaxart ijiem qed jintlagħbu f’Perth, Brisbane u Sydney. Sitta mill-ewwel seba’ tennisti fid-dinja, b’eċċezzjoni tal-Iżvizzeru Roger Federer, qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Riżultati

Grupp A: Afrika ta’ Isfel v Ċili 3-0, Serbja v Franza 2-1

Grupp B: Ġappun v Georgia 2-1, Spanja v Urugwaj 3-0

Grupp E: Kroazja v Polonja 2-1, Awstrija v Arġentina 3-0

Logħob li jmiss

Grupp Ċ: Renju Unit v Moldova, Belġju v Bulgarija

Grupp D: Russja v Norveġja, Italja v Stati Uniti

Grupp F: Ġermanja v Kanada, Greċja v Awstralja

Tags