Lokali

ELEZZJONI TAL-MEXXEJ LABURISTA: “l-allegazzjonijiet għandhom jiġu investigati”

“Din il-kampanja rridu nżommuha nadifa sal-aħħar”, kliem Chris Fearne fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, ftit siegħat biss qabel l-allegazzjoni serja ta’ tbagħbis fl-elezzjoni mill-kandidat oppost Robert Abela hekk kif il-kampanja daħlet fl-aħħar jiem tagħha bil-gwerra interna fil-Lejber tkompli tikber u tkompli toħroġ fil-beraħ.

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Laburista, bi tweġiba għal din l-allegazzjoni, l-istess Partit ikkonferma li kien hemm “ċirkostanzi li ġew indirizzati tul il-proċess”.

It-Times, f’artiklu li ħareġ it-Tnejn filgħodu żvelat li l-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista Robert Abela għamel ilment formali b’allegazzjonijiet ta’ tbagħbis. Skont il-ġurnal, Abela lmenta li f’xi ħinijiet persuni li jaħdmu fil-Ministeru ta’ Chris Fearne kienu ingħalqu f’uffiċju taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Minkejja dan, l-istqarrija fl-ebda parti tagħha ma tiċċara x’kienu “ċ-ċirkostanzi fil-proċess” u jekk Robert Abela hux sodisfatt li l-ilment li għamel ġie indirizzat.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li “tista’ tassigura li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti u li l-ipproċessar tal-informazzjoni b’relazzjoni mal-eliġibbiltà tal-votanti qed issir skont l-istatut tal-partit u r-regoli maqbula mal-partijiet konċernatili”.

Fid-dawl tal-allegazzjoni ta’ tbagħbis fil-listi tal-elezzjoni għall-Mexxej Laburista, Net News staqsa lill-membri tal-kabinett dwar din l-istorja serjissima.

Il-Ministru Michael Falzon qal li “wieħed irid jara jekk hemm allegazzjoni imma nkun irresponsabli jekk ngħid ħażin jew tajjeb fiċ-ċirkostanzi”

Pero minkejja li Michael Falzon baqa’ ma ċaħadx, il-Ministru Ian Borg, li fl-aħħar jiem iddikjara li jrid lil Fearne u mhux lil Abela…din id-darba ma riedx jikkommetti ruħu, iżda qalilna li ta’ Fearne m’għamlu xejn ħażin hekk kif iddikjara li “jinsab ċert li ma kien hemm ebda rregolaritajiet.”

Diversi delegati u tesserati tal-Partit Laburista jinsabu irrabjati għall-mod kif qed isiru l-affarijiet b’rabta mal-elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Lejber. Dan wara li t-Times ippubblikat storja dwar allegat tbagħbis fil-proċess tal-listi ta’ dawk li huma eleġibbli jivvutaw is-Sibt li ġej.

L-istorja ġabet terremot sħiħ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’sorsi tagħna jgħidula li l-impjegati tal-partit u dawk tal-media ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-amministrazzjoni.

Kien biss il-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista li tkellem pubblikament fuq Facebook, għal darba darbtejn f’temp ta’ nofs siegħa. Hu insista dawn l-istejjer jitfgħu “dell ikrah fuq il-ħaddiema tac-Centru Nazzjonali Laburista, li, ngħiduha kif inhi, jitla’ min jitla’, bihom irid jaħdem.”

Mistoqsi direttament jekk kienx hemm nies ta’ Chris Fearne imsakkrin f’uffiċċju bil-lista tat-tesserati, il-Kap Eżekuttiv tal-PL wieġeb biss “temminx kulma tisma’”.

Randolph Debattista qal li mhu se jħalli lil ħadd jitfa’ xi dell ikrah “fuq in-nies tagħna.”

Intant, Net News jista’ jikkonferma wkoll li fl-aħħar jiem, nies ta’ Chris Fearne bdew iħallsu t-tesseri li xi nies għandhom b’lura; dan sabiex jivvutaw “lill-Ministru tagħhom”.

Il-Partit Laburista huwa sinonimu ma’ irregolaritajiet fejn jidhlu elezzjonijiet inerni. L-aktar waħda famuża tibqa’ l-elezzjoni tal-1992 meta ġie elett Alfred Sant, u l-famużi 150 vot – każ li kien feġġ wara d-disfatt elettorali tal-1998.

Dak iż-żmien, il-vittma ta’ dawn il-manuvri ma’ kien ħadd ħlief Lino Spiteri. U din id-darba wkoll – hekk kif l-istorja tirrepeti ruħha – l-allegazzjonijiet qed isiru minn Qormi ieħor; Robert Abela.