Internazzjonali

Franza: Il-Katidral ta’ Notre Dame għadu f’periklu ta’ kroll…

Il-Ġeneral Franċiż li nħatar biex jieħu ħsieb ir-rikostruzzjoni tal-Katidral ikoniku ta’ Notre Dame, f’Pariġi, qal li l-bini ‘xorta waħda għadu f’periklu li jċedi’. Dan wara li għaddew aktar minn sitt xhur ta’ ħidma u sforzi lejn ir-restawr tal-katidral bil-għan li jassumi ‘il-glorja tal-passat’.

Intant, il-Ġeneral Jean-Louis Georgelin m’għandux dubju li ‘għadhom ma salvawx lill-katidral’ meta trid issir ħidma delikata bil-għan li jitneħħa scaffolding li ‘għaqqad’ mal-famuż kampnar li spiċċa meqrud fin-nirien devastanti ta’ April… Nirien li ħakmu parti importanti mill-patrimonju imprezzabbli tal-Franċiżi.

Għaldaqstant, Georgelin enfasizza ‘is-sitwazzjoni ta’ periklu reali’ għall-Katidral u qal li l-ħidma biex jitneħħa li scaffolding irid jitqies bħala pass mill-aktar kruċjali biex isalvaw dan il-monument daqstant għażiż għall-Franċiżi.

Il-konservazzjoni u restawr tal-Katidral ta’ Notre Dame huma sfida mill-aktar qawwija għat-Tmexxija ta’ Franza. Georgelin qed jispjega li l-kundizzjoni tal-ħnejjiet li jserrħu fuq pilastri tal-knisja mhix magħrufa ‘mija-fil-mija’ u meta m’hemmx garanzija li dawn ‘ma jispiċċawx iċedu’.

Madankollu, il-Ġeneral irrifera wkoll għall-osservazzjoni inizjali dwar l-istat attwali tal-katidral (li nbena fis-seklu tnax) u sostna li m’hemmx lok għalfejn wieħed jaqta’ qalbu mix-xogħol li jrid isir.