Lokali

Ian Borg jibqa’ jisfida lill-partitarji Laburisti

Il-Ministru Ian Borg – li oriġinarjament kellu l-intenzjoni joħroġ għal-Leadership tal-Labour, u li iżda kellu jirtira pass lura minħabba l-intenzjoni tal-Partit li jagħmel patt imxajtan – injora għalkollox lill-kandidat l-ieħor, Robert Abela, daqslikieku ma jafux.

Waqt attività politika, u wara elenku ta’ tifħir, Ian Borg tenna li qed jagħżel lil Fearne għax “l-esperjenza tgħin”.

Iżda kulħadd jaf li l-verità hi differenti. Għax wara li, Borg innifsu ried jitfa’ ismu f’din il-ġlieda, minħabba ftehim li oriġina miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, hu kellu jħalli l-post għal Fearne biss – biex ma jkunx ikkontestat.

U meta l-ftehim kien kważi komplut, Robert Abela sejjaħlu “patt imxajtan” u baqa’ sakemm anke hu tefa’ ismu fir-ring. Dan wassal għar-rabja ta’ ħafna, iżda żgur ta’ Ian Borg, aktar minn oħrajn.

Kien f’dan id-dawl li l-Ministru Borg – magħruf għar-relazzjoni li kellu qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat – li attenda għall-attività politika ta’ Chris Fearne u għamillu messaġġ twil ta’ tifħir. Iżda din l-attitudni wasslet għall-kritika ta’ ħafna Laburisti, li fil-filmat imtella’ fuq il-paġna tal-Ministru Borg stess, ma qablux mal-intenzjoni tiegħu li jipprova jinfluwenza l-vot tat-Tesserati.

Mistoqsi dwar dawn il-kummenti, Ian Borg ipprova jimplika li dawk mhux Tesserati Laburisti, iżda partitarji Nazzjonalisti li qed jippruvaw iqarrqu – jew Fake Profiles.

Madankollu, hemm min qal lil Ian Borg li hu u ċerti Ministri u Membri Parlamentari qed iparlaw fil-vojt u għandhom iħallu lil kulħadd jivvota b’moħħu. Oħra nnutat kif lanqas il-Mexxej uxxenti ma ried jinfluwenza lil ħadd, iżda hemm erbgħa li jaħsbu li jafu aktar miċ-ċittadin.

Persuna oħra staqsietu “min jaf x’wegħdek” u oħra li “ħadd ma jagħmel xejn ta’ xejn” – b’referenza għall-possibbiltà li se jkun offrut xi kariga Ministerjali fl-eventwalità li jitla’ Chris Fearne. Ieħor qal li kulħadd irid joqgħod attent li ma joħloqx qasma u oħra li tistenna aħjar minn ċerti Membri Parlamentari.

Fost kummenti oħrajn, mara innutatlu li l-opinjoni tiegħu jmissha żammha għalih biss u li bi kliemu ma għamel l-ebda ġid lill-Partit. Oħra staqsietu jekk hux jinduna li b’dawn il-kummenti qed tiddaħħal aktar mibegħda u għira.

Iżda minkejja dawn il-kummenti, il-Ministru Ian Borg baqa’ jinsisti li jimponi l-pożizzjoni tiegħu fuq it-Tesserat Laburist.

Mhux tal-istess opinjoni hu l-Ministru Carmelo Abela – magħruf bħala wieħed mill-moderati fil-kamp Laburista, li mistoqsi bl-istess mod minn NET News, qal li meta kien mistieden, hu attenda għall-attivitajiet taż-żewġ Kandidati.

Sadanittant, mistoqsi direttament jekk hux beħsiebu joħroġ għall-kariga ta’ Deputat Mexxej, Ian Borg wieġeb biss li f’dan l-istadju, din hi mistoqsija ipotetika.