Lokali

Ikomplu l-power cuts: Il-Gvern Laburista jibqa’ jaħbi l-fatti – PN

Fl-aħħar sigħat reġa’ kien hawn bosta bliet u rħula li ma kellhomx provvista tal-elettriku. Bdejna sena ġdida imma l-poplu għadu qed jaffaċċja l-problemi tas-sena li għaddiet.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius permezz ta’ stqarrija f’isem l-Oppożizzjoni.

Fl-istqarrija l-Viċi Kap tal-PN qal li dan riżultat tal-politika tal-Gvern li wasslet għal rekord ta’ drabi fejn ma kienx hawn provvista tal-elettriku f’tant qasir żmien. Il-poplu kien imwiegħed l-aqwa żmien u minflok ġie mgħoddi biż-żmien.

L-Oppożizzjoni terġa’ tappella sabiex jiġu ppublikati l-fatti kollha dwar għaliex fl-aħħar ġimgħat, kien hemm tant drabi fejn diversi rħula u bliet madwar Malta u Għawdex, u saħansitra fi ġranet minnhom il-pajjiż kollu spiċċa bla provvista tal-elettriku.

Il-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verità. Il-poplu fehem li t-tanker ġgant li poġġew Joseph Muscat u sħabu f’Marsaxlokk huwa mhux biss simbolu tal-korruzzjoni li fniet lil dan il-Gvern iżda huwa proġett li falla.

Fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru caretaker jinsab siket dwar dan kollu, l-aġent Prim Ministru Chris Fearne għandu jippubblika l-fatti u jgħid il-verità lill-poplu Malti. Intqal li ankra ta’ vapur laqtet u għamlet ħsara kbira fl-interconnector. Bit-teknoloġija moderna tal-lum, faċli li wieħed ikun jaf liema vapur u x’ħin sar dan l-allegat inċident.

L-istqarrija t-temm tgħid li l-poplu bir-raġun jistaqsi jekk hemmx assikurazzjoni mill-Enemalta għal inċidenti simili u jekk ittieħdux passi kontra s-sidien tal-vapur. Dawn il-mistoqsijiet jeħtieġu risposta.