Futbol Sport

Imut l-eks gowlkiper Ġermaniż Hans Tilkowski

(Ritratt: Sky Sports)

L-eks gowlkiper tal-Ġermanja tal-Punent Hans Tilkowski miet fl-età ta’ 84 sena. Tilkowski lagħab bejn l-1952 u l-1970 ma’ Westfalia Herne, Borussia Dortmund u Eintracht Frankfurt.

Il-Ġermaniż lagħab il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1966 mirbuħa mill-Ingilterra 4-2. Il-logħba kellha waħda mill-aktar gowls kontroversjali waqt finali tat-Tazza tad-Dinja meta x-xutt ta’ Geoff Hurst ħabat mal-mimduda u niżel fuq il-linja, b’Tilkowski megħlub. Il-gowl ingħata mir-referee wara li ġie ġġudikat li qabeż il-linja biex b’hekk l-Ingilterra marret 3-2 fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani, b’Hurst jiskorja anki t-tielet gowl lejn it-tmiem biex għamel l-iskor finali 4-2.

Mat-tim nazzjonali Ġermaniż hu lagħab 39 darba bejn l-1957 u l-1967. Ma’ Borussia Dortmund, hu rebaħ it-Tazza Ġermaniża fl-1965 u t-Tazza tat-Tazzi staġun wara. Tilkowski kien għen lil Dortmund isiru l-ewwel tim Ġermaniż li jirbaħ trofew Ewropew. Fil-finali li ntlagħbet fi Glasgow huma kienu għelbu lil Liverpool 2-1.