Ir-residenti fiz-zoni Awstraljani li nqerdu min-nirien kbar storiċi ħadu ftit tan-nifs wara l-inżul tax-xita u tnaqqis fit-temperaturi. Madankollu, l-uffiċjali għall-emerġenza qegħdin iwissu dwar ‘nirien ġodda’ fil-ġranet li jmiss, meta t-temperaturi mistennija jisparaw ’il fuq sa nofs il-ġimgħa.
Ix-xita li niżlet fuq iz-zoni qrib il-kosta lejn il-Lvant tal-Awstralja (minn Sydney sa Melbourne) qawwew qalb in-nies li l-kriżi tan-nirien tista’ tkun ikkontrollata maż-żmien. Kien hemm ukoll xi żviluppi ‘pożittivi’, fosthom ħalbiet tax-xita qawwija li niżlu fi bnadi tal-Istat ta’ New South Wales.
Madankollu, il-periklu għall-Awstraljani għadu kbir, bl-uffiċjali jwissu li n-nirien kbar li qed jaqbdu f’New South Wales u fl-Istat ta’ Victoria kapaċi ‘jiltaqgħu’ u jiffurmaw ħajt kbir ta’ fjammi, f’sitwazzjoni ta’ mega blaze.
Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, wissiet li ‘ħadd, għalissa, ma jaffordja jaħseb li l-kriżi tinsab qrib it-tmiem’, meta l-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippruvaw isibu postijiet sikuri għan-nies li tilfu l-proprjetà fin-nirien.
Fl-istess ħin, it-tniġġis tal-ajru dovut għan-nirien qed iżomm livelli għoljin u perikolużi. Dan waqt li l-Bureau tal-Meteoroloġija ta’ Victoria wissa li l-viżibbiltà f’Melbourne kienet anqas minn kilometru f’diversi bnadi tal-belt u l-madwar.
//= $special ?>