Internazzjonali

It-truppi Torok bdew jidħlu fil-Libja

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li t-truppi ta’ pajjiżu bdew jidħlu fil-Libja wara li l-Parlament f’Ankara approva dan il-pass, il-ġimgħa l-oħra.

Erdogan qal li l-missjoni ta’ dawn is-suldati hu biex jaċċertaw l-istabbilità għall-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Libjan Fayez al-Sarraj, li qiegħed igawdi wkoll l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Gvern ta’ Sarraj, ibbażat fi Tripli,  bħalissa qed jirreżisti l-offensiva tar-ribelli mal-Armata Libjana tal-Lvant immexxija mill-Ġeneral Khalifa Haftar. Dan meta Haftar hu appoġġjat, f’dan il-konflitt, mill-Eġittu, ir-Russja u l-Emirati Għarab Magħquda.

Il-qawwiet ta’ Haftar ilhom minn April jippruvaw jaħtfu l-kontroll ta’ Tripli. Huma, fil-preżent, qegħdin jiċħdu li, fi tmiem il-ġimgħa, kienu responsabbli għal attakk fuq akkademja militari fil-kapitali li kienet swiet il-ħajja ta’ mill-anqas tletin persuna.