Internazzjonali

L-Iran: Folol enormi jippakkjaw Tehran għall-funeral tal-Ġeneral maqtul

Għexieren ta’ eluf ta’ Iranjani mlew it-toroq ta’ Tehran għall-funeral ta’ Qasem Soleimani, il-kmandant militari ewlieni u ‘eroj tal-poplu’, li fi tmiem il-ġimgħa nqatel minn drone tal-Istati Uniti waqt li kien qiegħed fl-ajruport ta’ Baghdad, fl-Iraq.

L-assassinar ta’ Soleimani seħħ fuq id-direttiva espliċita tal-President Amerikan, Donald Trump, bl-Iran jinbidel f’ħuġġieġa ta’ rabja fost l-istennija għal ritaljazzjoni ‘kbira’ mill-Istat Iżlamiku ladarba jgħaddi l-perjodu ta’ luttu (attwali) għat-telfa ta’ Soleimani.

Il-Ġeneral maqtul kien imexxi l-qawwa tal-Quds u kien persuna importanti ħafna għall-Iran biex iferrex l-influwenza tiegħu fil-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed tirreferi għalih bħala terrorista u tinsisti li l-eliminazzjoni tiegħu kienet ġustifikata meta l-Ġeneral kien qed jippjana attakki ‘imminenti’ kontra l-interessi tal-Amerikani.

Intant, l-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran, mexxa t-talb waqt il-funeral tallum u f’ħin minnhom deher jibki fost l-espressjonijiet ta’ dulur mill-folol.

It-Televiżjoni tal-Iran qalet, intant, li ħarġu ‘il-miljuni’ tal-Iranjani għall-funeral ta’ Soleimani — li kien it-tieni l-aktar mexxej importanti tal-pajjiż – għalkemm dawn iċ-ċifri ma kenux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.

Sadanittant, il-folol kbar fil-kapitali dehru maħkuma mill-emozzjoni fost tixjir ta’ ritratti tal-Ġeneral, li t-tebut tiegħu beda jitmexxa minn fuq l-irjus tan-nies, fost għajjat ta’ ‘Mewt lill-Amerikani’.

Fl-istess ħin, Zeinab Soleimani, bint il-Ġeneral maqtul, wissiet lill-Istati Uniti li ‘qed tiffaċċja żmien terribbli għar-reat (qtil) li wettqet’. Hi anki wissiet lill-President Amerikan Donald Trump ‘biex ma jaħsibx li issa spiċċa kollox bil-qtil ta’ missierha li miet martri għal pajjiżu’.

L-aħħar rapporti qalu li l-fdalijiet tal-Ġeneral Soleimani kellhom jitwasslu lejn l-inħawi ta’ Qom għal ċerimonja, bid-difna mistennija għas-sigħat li ġejjin fil-belt ta’ Kerman, fejn kien trabba.

Filwaqt li l-Iran jista’ ikun pass biss ‘il bogħod minn gwerra mal-Istati Uniti, il-President Amerikan, Trump, kompla jinsisti li l-Istati Uniti għandha twieġeb minnufih bil-forza f’każ li l-Iranjani jirritaljaw għall-qtil ta’ Soleimani.

Dan waqt li Trump qed jindika li kwalunkwe azzjonijiet militari ġodda mill-Istati Uniti għandhom ikunu ‘bil-wisq akbar u terribbli’ minn kwalunkwe azzjoni min-naħa tar-reġim f’Tehran.

Fl-istess ħin, is-suġġeriment li l-Istati Uniti kapaċi, ‘il quddiem, tolqot lis-siti kulturali tal-Iran qajjem allarm kbir fost l-Iranjani u ‘il hinn minn pajjiżhom. Kwalunkwe azzjoni fuq dan il-livell għandha tkun ikkunsidrata bħala reat tal-gwerra taħt il-liġi internazzjonali.