Lokali

Nofs il-poplu Malti jemmen li Muscat involut fil-‘cover-up’ tal-assassinju ta’ Caruana Galizia – stħarriġ

Nofs il-poplu Malti jemmen li Joseph Muscat kellu sehem fil-‘cover up’ b’rabta mal-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Skont stħarriġ ikkummissjonat minn LovinMalta u mwettaq minn BREIN wera li kumplessivament 51.3% jemmnu li l-Prim Ministru seta’ kellu sehem fil-ħabi tal-fatti marbuta mal-eżekuzzjoni tal-ġurnalista.

Dan filwaqt li 33.3% tal-parteċipanti huma tal-fehma li Muscat kellu x’jaqsam direttament mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta l-parteċipanti kienu mistoqsija jaħsbux li membri mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru humiex involuti fil-qtil tal-ġurnalista, 62.4% saħqu li huma konvinti li l-OPM huwa nvolut – fejn ankè partitarji Laburisti esprimew din il-possibilità reali ħafna.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ fid-deher li n-negozjant Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat bħala kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għandu relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ Muscat. Ġie żvelat li Fenech ta lil Joseph Muscat diversi rigali fosthom; fliexken tal-inbid u arloġġ li jilħqu l-eluf ta’ ewro.