Lokali

Partijiet ta’ Malta mill-ġdid bla dawl

Il-power station suppost żarmata mill-Gvern tal-Lejber sal-lum kienet għadha hekk

Mill-ġdid, partijiet kbar ta’ Malta bħalissa jinsabu bla dawl hekk kif għal darboħra fl-aħħar jiem inqatgħet il-provvista tad-dawl… xi ħaġa li qed tirrabja ħafna familji Maltin li jum wara l-ieħor qed jispiċċaw bla dawl.

Dan il-qtugħ isegwi laqgħa li saret ftit tal-jiem ilu mill-Enemalta mal-MCESD fejn intqal illi mhux ser ikun hemm iżjed blackouts totali, madanakollu kien konfermat li l-familji Maltin ser jibqgħu jesperjenzaw dan l-inkonvenjent kbir għal tul ta’ żmien.

Din hija s-sitt darba li nqata’ d-dawl mit-23 ta’ Diċembru ‘l hawn bir-riżultat li partijiet kbar ta’ pajjiżna tħallew bla ebda elettriku. Ta’ min isemmi wkoll illi darbtejn minn dawn il-ħames darbiet kienu blackouts totali, blackouts li waħħlu lil Malta kollha.

Skont dak li qal il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi, jidher illi pajjiżna għandu tal-inqas sa Frar illi ġej b’din it-tip ta’ inkonsistenza fil-provvista tad-dawl.