Lokali

Restawr fuq xogħol ta’ pittur Malti tad-18-il seklu

Pitturi tas-seklu 18 tal-artist Malti Francesco Zahra għaddejjin minn proċess estensiv ta’ restawr minn grupp ta’ restawraturi Taljani qabel ma l-biċċiet tal-arti jibdew triqthom lejn Ruma.

Wieħed mir-restawraturi, Giuseppe Mattella, spjega li x-xogħolijiet – iffinalizzati fl-1766 – juru xeni dettaljati mill-Antik Testment, fosthom ix-xita tal-manna fid-deżert u tmiem id-dilluvju universali.

Spjega kif matul il-proċess, qed jippruvaw jirrikonoxxu wkoll it-teknika użata, għalkemm qed joħroġ dejjem aktar ċar l-użu ta’ ċerti kuluri biex jagħmel enfażi fuq partijiet partikolari tax-xeni. Innota wkoll kif Francesco Zahra uża karatteristiċi Maltin, fosthom il-forma tal-Ħobża tal-Malti, kif nafuha llum.

Personalment, il-pittur Malti qatt ma kellu l-opportunità jżur xi pajjiż barrani u għalhekk, hi l-intenzjoni li jkunu l-pitturi tiegħu li jibdew iduru d-dinja. Fil-fatt, dawn il-pitturi partikolari se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f’esebizzjoni li se tittella’ fil-kapitali Taljana.

Giuseppe Mattella nnota wkoll kif kull ħaġa f’dawn il-pitturi – li normalment ikunu fl-Oratorju taż-Żejtun – għadha dik oriġinali, fosthom it-tila, li kienet issir f’biċċiet żgħar f’Malta stess u mbagħad tingħaqad f’waħda kbira. Għadhom l-oriġinali wkoll l-imsiemer, li dak iż-żmien kienu jkunu tal-injam u li għadhom intatti sal-lum.

Din mhix l-ewwel biċċa xogħol ta’ restawr għal Giuseppe Mattella u l-kollega tiegħu Santa Guido f’Malta, li issa ilhom madwar 25 sena f’pajjiżna. Spjega li jinsab kuntent li permezz ta’ dawn ix-xogħolijiet u l-possibbiltà li dawn jidhru f’esebizzjonijiet, tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni kulturali bejn Malta u l-Italja.

Biex isegwu aktar mill-qrib ix-xogħol li qed isir u jifhmu l-importanza tar-restawr, studenti minn skola lokali tal-arti żaru l-post fejn qed isir ix-xogħol u anke ltaqgħu u tkellmu mar-restawratur. L-istudenti ngħataw l-opportunità jpinġu partijiet differenti mill-pitturi – kulħadd bl-istil tiegħu – qabel ma dawn jingħaqdu f’biċċa unika ta’ arti.