Lokali

Robert Abela jallega tbagħbis fl-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista

Id-Deputat Laburista u kontestant għat-tmexxija tal-Partit fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej, Robert Abela, qed jallega tbagħbis fil-proċess tal-elezzjoni.

Abela ppreżenta lment formali lill-Partit Laburista wara li lejliet l-ewwel tas-sena fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun qajjem suspett li kien qed isir abbuż minn nies impjegati fil-Ministeru ta’ Chris Fearne, il-kandidat rivali tiegħu.

Mill-ilment jirriżulta li dakinhar, uffiċju fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista issakkar għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar. Fl-uffiċju, l-impjegati tal-Ministru tas-Saħħa kienu allegatamant qegħdin idaħħlu dettalji ta’ madwar 200 partitarju li kienu naqsu li jħallsu t-tessera fil-ħin u għaldaqstant ma kienux eliġibbli biex jivvutaw nhar is-Sibt. L-allegazzjoni hi li dan kien qed isir biex ikun żgurat li dawn il-partitarji jkunu jistgħu jivvutaw.

Is-Sibt li ġej, it-tesserati kollha tal-Partit Laburista għandhom dritt jivvutaw biex jagħżlu bejn id-Deputat Mexxej tal-Partit Chris Fearne u l-konsulent ta’ Joseph Muscat, id-Deputat Robert Abela, bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista f’votazzjoni li mistennija sseħħ fid-diversi każini tal-Partit fost postijiet oħra, bir-riżultat mistenni li jkun magħruf kmieni l-Ħadd filgħodu.

L-ilment ta’ Abela qajjem dubji wkoll dwar jekk dan kienx inċident iżolat jew jekk kienx hemm aktar abbużi simili fi-jiem li għaddew.