Sport Sport Ieħor

Terranova jitla’ fil-quċċata fit-tieni stadju tar-Rally ta’ Dakar

Orlando Terranova (Ritratt: EPA)

Is-sewwieq Arġentin Orlando Terranova jinsab fil-quċċata tar-Rally ta’ Dakar wara t-tieni stadju fl-Arabja Sawdija. L-istadju twil 367 kilometru kien minn Al Wajh sa Neom. Terranova li jsuq Mini, spiċċa t-tieni fl-istadju li ntrebaħ minn Giniel De Villiers. Hu bena vantaġġ ta’ erba’ minuti u 43 sekonda fuq l-Ispanjol Carlos Sainz.

Fernando Alonso ħabat ma’ ġebla kbira b’konsegwenza li waqa’ sigħat lura. L-Ispanjol kien jinsab fir-raba’ post wara 100 kilometru iżda d-debuttant kellu problema fis-suspension u spiċċa b’rota mkissra. Alonso flimkien mal-ħames darbiet rebbieħ ta’ Dakar Marc Coma, kien fil-11-il post iżda niżel fil-klassifika wara li stenna biex tingħata l-assistenza u reġgħu bdew isuqu wara sagħtejn u nofs.

Iċ-champion renjanti Nasser Al-Attiyah tal-Qatar spiċċa fit-tielet post u jinsab sitt punti bogħod mill-quċċata, bir-rebbieħ tal-2009 De Villiers tela’ fis-sitt post iżda 12-il minuta wara Terranova.

Fil-kategorija tal-muturi, Ross Branch ta’ Botswana rebaħ l-istadju filwaqt li l-Britanniku Sam Sunderland fuq KTM spiċċa t-tieni u jinsab fuq quddiem fil-klassifika ġenerali.