Diversi delegati u tesserati tal-Partit Laburista jinsabu irrabjati għall-mod kif qed isiru l-affarijiet b’rabta mal-elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Lejber. Dan hekk kif dalgħodu t-Times ippubblikat storja dwar allegat tbagħbis fil-proċess tal-listi ta’ dawk li huma eleġibbli jivvutaw is-Sibt li ġej.
L-istorja ġabet terremot sħiħ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’sorsi tagħna jgħidula li l-impjegati tal-partit u dawk tal-media ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-amministrazzjoni.
Sa issa, il-Partit Laburista għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija uffiċjali.

Kien biss il-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista li tkellem pubblikament fuq Facebook, għal darba darbtejn f’temp ta’ nofs siegħa. Hu insista dawn l-istejjer jitfgħu “dell ikrah fuq il-ħaddiema tac-Centru Nazzjonali Laburista, li, ngħiduha kif inhi, jitla’ min jitla’, bihom irid jaħdem.”
Mistoqsi direttament jekk kienx hemm nies ta’ Chris Fearne imsakkrin f’uffiċċju bil-lista tat-tesserati, il-Kap Eżekuttiv tal-PL wieġeb biss “temminx kulma tisma'”.
Randolph Debattista qal li mhu se jħalli lil ħadd jitfa’ xi dell ikrah “fuq in-nies tagħna.”
Intant, Net News jista’ jikkonferma wkoll li fl-aħħar jiem, nies ta’ Chris Fearne bdew iħallsu t-tesseri li xi nies għandhom b’lura; dan sabiex jivvutaw “lill-Ministru tagħhom”.
